Wegħda li ma jiġux impjegati konjugi ta’ Ministri bla sejħa pubblika

Gvern Nazzjonalista futur ma jimpjegax konjugi ta’ Ministri mingħajr sejħa pubblika.
Hekk qal fil-Parlament l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil waqt il-ħin iddedikat għall-mistoqsijiet supplimentari.
Mistoqsijiet Supplimentari għal dik li oriġinarjament kienet mistoqsija dwar direct orders fil-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u l-ARMS dawru d-diskussjoni għal botta u risposta bejn Gvern u Oppożizzjoni dwar il-kuntratt ta’ mart il-Ministru Mizzi, Sai Mizzi, bħala Konslu Ġenerali ta’ Malta għaċ-Ċina.
Busuttil saħaq li bil-għan li tkun żgurati t-trasparenza u l-meritorkazija mhux sewwa li konjugi ta’ Ministri jiġu mpjegati b’salarji esaġerati fis-servizz pubbliku.
Busuttil qabbel il-kuntratt ta’ Mizzi ma’ dak ta’ eks-Spettur tal-Pulizija li ftit jiem wara li kien boarded out minn mal-Korp ingħata kuntratt ta’ €60,000 fis-sena bħala konsulent fuq awditjar mal-Enemalta. Ilbieraħ, wara li l-każ issemma fil-Parlament, il-Ministru Mizzi talab li l-kuntratt tal-eks-Spettur tal-Pulizija jiġi terminat.  Busuttil staqsa jekk il-Ministru Mizzi jarax xi ħaġa ħażina fil-kuntratt ta’ martu hekk kif ra fil-kas tal-eks-Spettur tal-Pulizija.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat saħaq li hemm differenza bejn iż-żewġ każi. Il-każ tal-eks-Spettur tal-Pulizija kien dwar jekk hux xieraq li persuna li ġiet boarded out għal raġunijiet mediċi tingħata kuntratt ġdid ftit ġimgħat wara.