Kienet xurbana u weġġgħet pulizija; tinħeles mill-arrest

CMRU

Mara li allegatament tat daqqa ta’ sieq lil pulizija meta kienet xurbana f’Paceville ngħatat il-ħelsien mill-arrest.

Il-mara ta’ 42 sena li toqgħod San Pawl il-Baħar ġiet akkużata li rreżistiet l-arrest b’mod vjolenti, li insulentat lil uffiċjal tal-pulizija, li weġġgħet ħafif lil pulizija, li kisret il-paċi pubblika u m’obdietx l-ordnijiet tal-pulizija. Ġiet akkużata wkoll li kellha sikkina fil-pussess tagħha, li ma ntużatx fl-inċident u li hi saħqet li użatha biex tiekol tuffieħa.

L-Ispettur tal-Prosekuzzjoni Leeroy Balzan Engerer spjega li l-mara nżammet wara li kien hemm inċident ġo klabb. Kif kienu qed jiħduha l-għassa tal-pulizija, hija tilfet il-bilanċ u uffiċjal tal-pulizija għenitha tqum. Meta ħasset id l-uffiċjal fuqha, il-mara bdiet tagħti lill-uffiċjal u weġġgħetilha sieqha.

L-avukat tad-Difiża qal li l-mara tant kienet fis-sakra li bilkemm tiftakar x’ġara. Qal li l-mara teħtieġ l-għajnuna biex tegħleb il-problema tagħha tax-xorb.

Saret talba għall-ħelsien mill-arrest. Id-Difiża argumentat li l-inċident inqabad fuq kamera tas-sigurtà u li x-xhieda huma uffiċjali pubbliċi. Il-Prosekutur żied jgħid li ma jixtieqx li jagħti l-impressjoni li ma jkun ġara xejn billi wieħed iħebb għal uffiċjal tal-pulizija.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Victor Axiaq, laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest b’depożitu ta’ €1,000, garanzija personali ta’ €4,000, bil-patt li l-mara tiffirma l-għassa u ssegwi l-ħinijiet mogħtija lilha xħin tista’ toħroġ.

Inħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma.