Websajt tal-PN li tikkalkula l-prezzijiet tal-petrol u d-diesel

Waqt konferenza tal-aħbarijiet fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista, il-Kelliema tal-Oppożizzjoni Marthese Portelli u Jason Azzopardi qalu li l-Maltin u l-Għawdxin qed ikollhom iħallsu bl-għoli kull darba li jmorru jixtru l-fuel mill-pompa tal-petrol.
Għalhekk nedew is-sit www.dieselupetrol.com biex kull min irid jista’ jikkalkula kemm il-Gvern qiegħed jaqla’ mill-fuels.
Marthese Portelli qabblet il-prezzijiet tal-petrol u d-diesel ma’ ta’ Marzu tal-2009, meta l-prezz internazzjonali taż-żejt kien fl-istess livelli.
Hija qalet li l-Maltin qed iħallsu 41ċ aktar għal kull litru diesel u 45ċ aktar għal kull litru petrol.
Qalet li l-familji u n-negozji qed iħallsu l-istess prezz tal-petrol u d-diesel ta’ meta l-prezz internazzjonali taż-żejt kien aktar mid-doppju ta’ li hu llum.
Minn naħa tiegħu, Jason Azzopardi nsista li l-Gvern, sakemm jibqa’ jwebbes rasu biex ma jraħħasx il-prezzijiet tal-petrol u d-diesel, għandu jippubblika l-kuntratti li għamel għax-xiri taż-żejt.
Azzopardi sostna li aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar qed jinħoloq dubju jekk hux veru li l-Gvern għamel kuntratti ta’ hedging għaż-żejt.  

Reazzjoni Gvern:
Il-Ministeru għall-Enerġija sostna li sal-aħħar leġislatura, il-familji u n-negozji kienu jesperjenzaw ċaqlieq regolari fil-prezz tal-fuel fl-aħħar ta’ kull xahar.
Stqarrija tal-Ministeru tgħid li l-Gvern raħħas b’mod konsistenti l-prezzijiet tal-petrol u d-diesel u ħallihom stabbli għal diversi xhur biex il-familji jkunu jistgħu jippjanaw fit-tul.
Intqal li raħsu ukoll il-kontijiet tad-dawl u l-ilma.
L-istqarrija tgħid li huwa ironiku li l-Oppożizzjoni tipprova tagħti lezzjonijiet dwar il-fuel propju fi żmien meta l-poplu qed ikompli jara kif l-amministrazzjoni preċedenti kienet taġixxi fix-xiri taż-żejt.