Websajt ġdida biex tgħinek tivvota f’Mejju li ġej

Il-Parlament Ewropew nieda website ġdida bl-isem ta’ web, biex tispjega kif wieħed għandu jivvota f’kull Stat Membru u anke dawk barra mill-Unjoni Ewropea. Is-sit web jipprovdi t-tweġibiet kollha fil-lingwa uffiċjali tal-pajjiż kkonċernat kif ukoll bl-Ingliż. Dan is-sit huwa mfassal biex wieħed isib l-informazzjoni kollha rilevanti f’post wieħed u b’hekk kull persuna tassigura li l-vot tagħha jgħodd fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropej.

Il-website toffri gwida pass pass biex wieħed jivvota. Ir-regoli nazzjonali għal kull pajjiż huma spjegati f’format ta’ mistoqsija u tweġiba u f’kull waħda tinkludi informazzjoni dwar il-jum tal-votazzjoni l-età eliġibbli, id-dettalji dwar ir-reġistrazzjoni, id-dokumenti meħtieġa biex wieħed jirreġistra kif ukoll il-kwoti għall-partiti politiċi jew in-numru totali ta’ MEPs li għandhom jiġu eletti għal kull pajjiż u links lejn is-siti web tal-awtoritajiet elettorali nazzjonali.

Is-sit web jipprovdi informazzjoni dwar kif tivvota kemm minn pajjiż ieħor tal-Unjoni Ewropea kif ukoll barra mill-UE jew permezz ta’ mandat. F’dan is-sit wieħed jista’ jsib informazzjoni dwar it-taqsima ta’ mistoqsijiet u tweġibiet dwar il-Parlament Ewropew, il-kandidati ewlenin, u x’ser jiġri wara l-elezzjonijiet, il-possibbiltajiet li għandhom iċ-ċittadini biex jinvolvu ruħhom fil-ħidma tat-tkabbir tal-konsapevolezza dwar l-elezzjonijiet, taqsima b’aħbarijiet relatati mal-elezzjonijiet mis-sit web prinċipali tal-Parlament Ewropew, link lejn paġna li tipprovdi r-riżultati tal-elezzjonijiet, links lejn il-gruppi politiċi tal-Parlament Ewropew u l-partiti politiċi Ewropej. Tista’ tagħfas hawn biex tidħol fil-sit.