Weber jibda t-tellieqa biex jieħu post Juncker

Manfred Weber Claude Juncker

Iċ-Ċermen tal-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew Manfred Weber mistenni jitfa’ n-nomina tiegħu fl-elezzjoni interna tal-PPE biex ikun il-kandidat tal-PPE għall-elezzjonijiet Ewropej ta’ Mejju li ġej.

L-elezzjoni se ssir fil-belt kapitali Finlandiża Ħelsinki fis-6 ta’ Novembru li ġej. Sa issa Weber huwa l-uniku kandidat.

Jekk Weber jirbaħ din l-elezzjoni u l-PPE jġib l-akbar ammont ta’ voti fl-elezzjonijiet tal-Parlament ta’ Mejju li ġej, ikun ifisser li Weber jkun f’pożizzjoni li jieħu s-siġġu ta’ Jean-Claude Juncker bħala President tal-Kummissjoni Ewropea, fi proċess magħruf bħala Spitzenkandidaten.

Fl-aħħar kampanja elettorali, Manfred Weber kien indirizza Mass Meeting tal-Partit Nazzjonalista f’Tas-Sliema mal-eks Kap tal-PN Simon Busuttil.

Weber jibqa’ sinonimu mal-kampanja tal-Interrail Tickets li permezz tagħha, eluf ta’ żgħażagħ Ewropej, inkluż Maltin, se jingħataw biljetti tal-ajru jew tal-ferrovija biex jiskopru pajjiżi oħra Ewropej.