Filmat: “Progress dwar is-saħħa mentali, imma għadna lura”

Read in English.

Filwaqt li Malta rreġistrat progress fil-qasam soċjali matul iż-żmien, l-attitudni tagħha dwar is-saħħa mentali baqgħet lura, skont il-Kummissarju għas-Saħħa Mentali John Cachia.

Cachia kien qed jiġi ntervistat minn Andrew Azzopardi fuq 103 Malta’s Heart, u Azzopardi staqsa jekk is-saħħa mentali baqgħetx is-“Cinderella” tal-qasam soċjali, filwaqt li setturi oħrajn – bħat-tfal u d-diżabilità – irreġistraw progress kunsiderevoli. Filwaqt li l-kummissarju rrikonoxxa li dan kien il-każ u li kien għad baqa’ ħafna x’isir, żied ukoll li kien qed ikun hemm progress.

Fakkar li anke f’setturi oħra, il-progress sar bil-mod: kien hemm żmien fejn persuni b’diżabilità kienu jinħbew minn familthom, filwaqt li l-marda tal-kanċer kienet ġeneralment tinżamm sigrieta sas-snin 90.

Azzopardi żied jgħid li ftit sinjali ta’ progress weħidhom ma joffrux wisq konsolazzjoni, imma Cachia fakkar li s-soċjeta ilha tipprova tindirizza s-saħħa mentali għal sekli twal. Ma kienx biżżejjed li jinbidlu l-attitudnijiet politiċi – is-soċjetà nnifisha kellha tbiddel il-mentalità tagħha, u dan jieħu ż-żmien.

Fuq mistoqsija oħra ta’ Azzopardi, Cachia qal li kien hemm il-bżonn li tiżdied il-leadership f’kull sens. Min hu nvolut fis-settur għandu bżonn jemmen li jista’ jsir ħafna aktar bir-riżorsi li jeżistu, skont il-kummissarju. Qal li għalxejn ikun hemm strateġiji tajbin jekk id-direzzjoni biex timplimentahom tibqa’ nieqsa.

Is-saħħa mentali fi żmien il-pandemija                     

Mistoqsi dwar il-kisbiet tal-uffiċċju tiegħu matul is-sena 2020, Cachia inevitabbilment irrifera għar-reazzjoni tiegħu għall-pandemija tal-Covid-19. Fakkar li meta l-pandemija waslet Malta, l-uffiċċju kien tħabat ferm biex jiżgura li l-impatt tagħha fuq is-saħħa mentali tiġi kkunsidrata fil-miżuri li jsiru.

Cachia però nnota wkoll li minkejja li kien ċar li l-pandemija se jkollha mpatt fuq is-saħħa mentali tan-nies, in-numru ta’ nies li fittxew servizzi tas-saħħa mentali naqsu fl-ewwel ġimgħat, minħabba l-biżgħat li n-nies seta kellhom fuq l-imxija tal-coronavirus.

Għalhekk, l-uffiċċju fittex li jassigura l-pubbliku li s-servizzi tas-saħħa mentali setgħu mfittxija mingħajr ebda riskju ta’ kontaġju.

Cachia nnota wkoll li meta l-ewwel każi ta’ Covid-19 ġew irrapurtati fiċ-Ċina, il-Maltin ma kinux imħassba, peress li ċ-Ċina tinsab fil-bogħod.

Però l-folja nqalbet meta l-pandemija waslet l-Italja u għamlet ħerba, bil-Maltin jirrealizzaw li setgħet tolqot lilhom ukoll. Filfatt, l-ewwel każi magħrufa ta’ Covid-19 f’Malta ġew irrapurtati f’persuni li kienu siefru fl-Italja.