Wasslu l-Evanġelju fid-dinja tal-lum u rreżistu ideoloġiji ġodda

Il-Papa waqt il-Quddiesa tal-Beatifikazzjoni ta' seba' Isqfijiet Rumeni

Tul il-vjaġġ tiegħu fir-Rumanija fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, il Papa Franġisku bbeatifika seba’ Isqfijiet Rumeni, fosthom Kardinal li mietu martri bejn fl-1950 u l-1970, fejn kienu torturati minħabba l-fidi nisranija tagħhom. Fl-Omelija tiegħul-Papa appella lill-insara biex ikunu xhieda tal-libertà u l-ħniena filwaqt li fakkar lil dawk li kienu persegwitati u sofrew fi żmien ir-reħimi li ħakmu lil dan il-pajjiż fl-imgħoddi.

Il-Vatikan ippubblika t-test tal-Omelija li għamel il-Papa fil-quddiesa tal-Beatifikazzjoni.

“Mgħallem min jaħti li dan ir-raġel twieled għama – hu jew il-ġenituri tiegħu?” Din id-domanda li d-dixxipli għamlu lil Ġesù wasslet għal numru ta’ avvenimenti li nsibu fl-Evanġelju u juru x’inhu dak li verament ma jħallix il-qalb tagħna tara sew.

Ġesù bħad-dixxipli tiegħu jaraw lil dan ir-raġel għama mit-twelid. Jinduna bih u jagħtih l-attenzjoni kollha tiegħu. Wara li jagħmilha ċara li dan ir-raġel mhux għama għax midneb, jiġbor ftit trab mill-art, jobżoq fih u jpoġġih fuq l-għajnejn ta’ dan ir-raġel. Imbagħad jgħid lir-raġel biex jinħasel fl-għadira ta’ Siloam u wara li għamel hekk dan ir-raġel beda jara

Il-Fariżej għomja

Dan il-miraklu fl-Evanġelju hu rakkuntat f’żewġ versi biss, il-bqija huma l-argumenti li nqalgħu wara dan il-fejqan. Donnu l-ħajja ta’ dan ir-raġel ftit kienet ta’ nteress ħlief għal xi argumenti u rabja. Imbagħad il-Fariżej li qabdu mal-ġenituri tiegħu, staqsew min kien dan ir-raġel imfejjaq u jiċħdu li l-miraklu sar minn Alla għax Alla ma jaħdimx nhar ta’ Sibt. Fil-fatt huma kienu twieldu għomja.

Għall-Fariżej dan ir-raġel kellu jgħix mhux biss bin-nuqqas ta’ dawl tiegħu imma wkoll bin-nuqqas ta’ dawl ta’ dawk ta’ madwaru. Aħna għandna interessi partikolari, teoriji u ideoloġiji li jtellfu d-dawl lil dak kollu ta’ madwarna. Iżda Ġesù mhux hekk. Ma jinħebiex wara l-ideoloġiji, imma jħares f’għajnejn in-nies. Jara l-istorja u l-weġgħat tagħhom u jagħmel minn kollox biex jitkellem dwar dak li hu verament importanti.

Din l-art tar-Rumanija taf sew kemm isofru n-nies meta jinħakmu minn xi ideoloġija jew reġim li jimponu kollox fuq kulħadd u ma jħallihomx jagħmlu deċiżjonijiet, jisirqilhom il-libertà u ma jħallihomx joħolmu.

Seba’ Isqfijiet Beatifikati

Ippruvajna nsibu mod kif naħsbu u naġixxu li jiddisprezza lill-oħrajn u wassal għat-tkeċċija u l-qtil ta’ nies li ma setgġux jiddefendu lilhom infushom u biex insikktu lil dawk li ma jaqblux magħna.  Jiġuni f’moħħi is-seba’ Isqfijiet Kattoliċi Griegi li għadni kif ibbeatifikajt. Quddiem l-oppożizzjoni feroċi tar-reġim taw eżempju tal-fidi tagħhom u l-imħabba għall-poplu. B’kuraġġ kbir u qawwa interna, poġġew il-fiduċja u t-tama tagħhom fil-Knisja li tant ħabbew. Dawn ir-rgħajja, martri tal-fidi, taw lill-poplu Rumen il-ħelsien u l-ħniena.

Għal dak li hu l-ħelsien ma nistax ma nosservax li qed nagħmlu din il-quddiesa “Fl-għalqa tal-Libertà. Dan il-post għandu bosta tifsiriet u jġib għaqda fost il-poplu li nsibu fid-diversità tal-espressonijiet reliġjużi tiegħu. Dan kollu hu patrimonju spiritwali li jsaħħaħ u jiddistingwi l-identità kulturali u nassjonali tar-Rumanija.

Il-Beati l-ġodda sofrew u taw ħajjithom biex jopponu s-sistema ideoloġika li fgat id-drittijiet fundamentali tal-bniedem. F’dak il-perjodu traġiku, il-ħajja tal-komunità Kattolika tpoġġiet għall-prova minn reġim dittatorjali u ateu. L-Isqfijiet u l-fidi tal-Knisja Kattolika Griega u l-Kattoliċi tar-rit Latin, kienu persegwitati u mitfugħa l-ħabs.

Nirreżistu Ideoloġiji ġodda

L-aspett l-ieħor tal-legat spiritwali tal-Beati l-ġodda hi l-ħniena. It-tenaċità tal-fedeltà tagħhom lejn Kristu kienet kbira daqs kemm kienu lesti li jsofru l-martirju.”

Papa Franġisku fakkar fil-kliem ta’ wieħed mill-Beati, l-isqof Iuliu Hossu, meta kien il-ħabs: “Alla ħass id-dlam tas-sofferenza biex jaħfer u jitlob għall-konverżjoni ta’ kulħadd”.

“Dan il-kliem hu simbolu tal-attitudni li biha dawn il-Beati, fiż-żmien tal-prova, stqarrew il-fidi tagħhom mingħajr kompromessi u bla ebda ritaljazzjoni. Sostnew il-fidi nisranija b’konsistenza u kuraġġ. Il-ħniena li urew ma’ min ittormentahom fiha messaġġ profetiku.

“Ħuti, llum qed nassistu għal ideoloġiji ġodda li qed jitfaċċaw. Forom ta’ ideoloġiji li jikkoloniżżaw u jtellfu l-valur tal-persuna, tal-ħajja, taż-żwieġ u tal-familja, taż-żgħażagħ u tat-tfal u jqaċċtulhom l-għeruq biex ma jkunux jistgħu jikbru.  Imbagħad kollox isir irrilevanti jekk ma taqdix l-interessi tagħna immedjati; in-nies qed jieħdu vantaġġ minn persuni oħra u jitrattawhom bħala sempliċi oġġett. Dawn l-ilħna, billi jiżirgħu l-biża’ u l-firda, jindfnu dak kollu li hu sabiħ f’din l-art.

Għalhekk nixtieq ninkoraġġikom biex twasslu l-Evanġelju lin-nies tal-lum u komplu, kif għamlu dawn il-Beati, irreżistu ideoloġiji ġodda li qed jitfaċċaw. Jalla tkunu xhieda tal-libertà u l-ħniena u tħallu l-fraternità u d-djalogu jirbħu fuq il-firdiet u xxettlu l-fraternità li kien hemm fiżż-żmien tat-tbatija, meta l-Insara li kienu maqsuma, resqu aktar lejn xulxin. Jalla l-protezzjoni tal-Verġni Marija u l-interċessjoni ta’ dawn il-Beati ġodda, takkumpanjakom fil-mixja tagħkom”, temm jgħid Papa Franġisku.ħ