Waslu l-40 jum ta’ talb u penitenza

Kurja.mt/ritratti

Read in English.

Propju llum, il-Knisja qed tagħtu bidu għar-Randan Imqaddes, 40 jum ta’ talb u penitenza bi tħejjija għaċ-ċelebrazzjoni tal-Passjoni, il-Mewt u l-Qawmien mill-mewt ta’ Ġesù Kristu.

Bi tħejjija għaż-żjara tal-Papa Franġisku f’Pentekoste, fin is-sena l-Isqfijiet qed iħeġġu lill-Insara biex jirriflettu fuq it-tagħlim tal-Papa Franġisku, b’mod partikolari fuq l-ewwel Eżortazzjoni Appostolika tiegħu ‘Evangelii Gaudium’ (Il-Ferħ tal-Evanġelju). Din l-eżortazzjoni tfakkar li l-ferħ veru jinsab fil-laqgħa ma’ Kristu Rxoxt, li jfejjaq minn kull xorta ta’ mard personali u fil-komunitajiet.

Fil-messaġġ tiegħu għar-Randan ta’ din is-sena, il-Papa Franġisku ħeġġeġ ukoll lill-Insara biex iħejju lilhom infushom għall-misteru tal-mewt u l-irxoxt ta’ Ġesù, li hu l-pedament tal-ħajja nisranija, u biex kontinwament jirritornaw għal dan il-misteru ta’ mħabba infinità għal kull bniedem.

Matul dan ir-Randan, il-Knisja qed tħeġġeġ lill-Insara biex jaqraw il-Kelma ta’ Alla, jieħdu sehem fis-sagramenti u jattendu l-eżerċizzi spiritwali.

Il-Knisja fakkret ukoll li f’Ras ir-Randan u nhar il-Ġimgħa l-Kbira, kull min għalaq it-18-il sena u għadu ma daħalx fis-60 sena u mhux skużat minn xi raġuni serja, għandu d-dmir li jsum, waqt li kull min għalaq l-14-il sena għandu l-obbligu jastjeni milli jiekol laħam jew ikel ieħor li jogħġbu ħafna. Filwaqt li tinkuraġġixxi l-penitenza fi żmien ir-Randan, il-Knisja tixtieq tfakkar li fost il-jiem u ż-żminijiet tal-penitenza hemm il-jum tal-Ġimgħa matul is-sena kollha.