Waslet it-Tazza l-Kbira 2018

Il-Bank of Valletta qed jappoġġja it-'Tazza l-Kbira 2018 ', l-akbar tellieqa fil-kalendarju tat-tigrijiet taż-żwiemel lokali.
L-aqwa 76 żiemel f’Malta se jkunu qed jipparteċipaw f’sitt heats nhar il-Ħadd 25 ta’ Marzu 2018, bl-aqwa sitt żwiemel f’kull heat jipparteċipaw fi tliet semifinali li se jsiru fit-8 t’April 2018. L-ewwel erba’ żwiemel  li jidħlu f’kull semifinali jgħaddu għall-finali tal-BOV it-Tazza l-Kbira nhar it-22 t’April 2018. It-tiġrijiet kollha huma kkontestati fuq id-distanza tradizzjonali ta’ 2,640 metru.
It-Tazza l-Kbira 2018 tnediet uffiċjalment waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-sala tal-konferenzi tal-Malta Racing Club u indirizzata minn Edwin Borg u Thomas Cunningham Chairman u Segretarju Ġenerali tal-Malta Racing Club rispettivament u Charles Azzopardi, Eżekuttiv fil-PR & Marketing tal-Bank of Valletta.
“It-Tazza l-Kbira 2018, 84 sena mill-ewwel edizzjoni li saret fl-1934, hija l-akbar unur fil-tlielaq tat-trott f’Malta, u tiġbed l-aqwa żwiemel kif ukoll l-akbar premjijiet”, qal Borg. Kompla jgħid li l-edizzjoni ta' din is-sena tinkludi biss żwiemel mill-klassi Premier li joriġinaw minn erba' pajjiżi differenti, li magħhom hemm 12-il debuttant.
“Meta l-finalisti jsiru magħrufa, se jkunu is-sidien taż-żwiemel stess li jtellgħu n-numri tat-tluq tagħhom għall-finali”, kompla. "Il-finali, minbarra li tkun l-aqwa tellieqa tas-sena, tkun ukoll avveniment għall-familja kollha bi programm ta’ divertiment spettakolari għal dawk kollha li jkunu preżenti.’
Cunningham spjega li għalkemm fl-aħħar snin ġie stabbilit il-limitu ta’ 72 żiemel f'din il-kompetizzjoni, minħabba li l-għadd ta' żwiemel fl-ogħla kategorija żdied u wħud mis-sidien importaw żwiemel apposta għal din il-kompetizzjoni, ġie deċiż li jiġu akkomodati ż-żwiemel kollha tal-kategorija Premier, għaldaqstant iż-żieda fin-numru għal 76. Dan ifisser li kellha ssir bidla fir-rawnds tal-kwalifikazzjoni.
Il-Kunsill tal-Malta Racing Club iddeċieda wkoll li l-premju fi flus kellu jirrifletti l-importanza ta' din it-tellieqa u għalhekk għandu jingħata l-akbar premju tal-istaġun. Dan ifisser żieda fl-ammont totali tal-premjijiet ta’ €1,600 għal total ta’ €6,550 bir-rebbieħ jirċievi €3,500.
Cunningham iddikjara wkoll li sabiex jiġu żgurati l-aqwa kundizzjonijiet għat-tlielaq, il-Kunsill tal-Malta Racing Club iddeċieda li jagħmel manteniment fuq il-wiċċ tal-korsa u bħalissa qed isiru x-xogħlijiet fuq ir-ramel u twittija xierqa.