Waslet fi tmiemha l-era ta’ Messi u Ronaldo?

Għaddew seba’ ġimgħat mindu beda l-istaġun tal-futbol u Cristiano Ronaldo u Lionel Messi irnexxielhom jiskurjaw tliet gowls bejniethom għall-klabbs rispettivi tagħhom.

Il-par iddominaw ix-xena tal-futbol dan l-aħħar diċennju. B’kollox skurjaw 1,369 gowl, rebħu għaxar Blalen tad-deheb u rebħu disa’ darbiet iċ-Champions League.

Iżda Messi li għandu 32 sena weġġa’ numru ta’ drabi diġà dan l-istaġun u Ronaldo li għandu 34 sena naqas milli jirbaħ iż-żarbun tad-deheb. Jista’ jkun li qed naraw il-bidu mit-tmiem tad-dominanza ta’ dan il-par?

Xejn ma jibqa’ għal dejjem. Din hi l-ewwel sena sa mill-istaġun tal-2005/06 mindu l-par naqas milli jiskurja aktar minn ħames gowls sat-30 ta’ Settembru.