“Wasalt fejn wasalt sforz is-sagriffiċcji u l-passjoni lejn il-mużika” – Karen DeBattista

Read in English.

Proprju llum, il-kantawtriċi femminili Karen DeBattista nediet Meta l-Qalb Tħabbat, kumpilazzjoni diġitali ta’ kanzunetti oriġinali bil-Malti li interpretat tul is-snin f’diversi spettakli nazzjonali; fosthom fl-Għanja tal-Poplu u fil-Konkors Kanzunetta Indipendenza.

Il-kanzunetti, ħamsa b’kollox, għandhom kompożizzjoni ta’ Mark Scicluna filwaqt li l-lirika hija kollaborazzjoni flimkien ma’ Emil Calleja Bayliss, Rita Pace u Mark Amaira.

Rigward l-għażla tat-titlu għal din il-kumpilazzjoni, Karen DeBattista qalet li riedet ‘xi ħaġa b’sinifikat… frażi li mhux biss vers minn kanzunetta, iżda li turi li l-mużika hija waħda mill-affarijiet l-aktar għal qalbi’. Hi tkompli żżid li ‘jkunu xi jkunu ċ-ċirkostanzi fil-ħajja, il-mużika tibqa’ hemm u ttini l-ħajja. Meta l-qalb tħabbat turi li anke jekk it-triq kienet diffiċli, dejjem imxejt ma’ dak li qaltli qalbi u wasalt fejn wasalt sforz is-sagriffiċcji u l-passjoni lejn il-mużika’.

Il-ħames kanzunetti li jagħmlu parti minn din il-kumpilazzjoni diġitali jġibu l-isem ta’ “Riflessi”, “Jien Ma Naħdimx”, “Ħarstek”, “Minn Wara l-Ħasira” u “Il-Bikja”. Ħames siltiet differenti għallaħħar minn xulxin imma ‘b’lirika u mużika li ġiegħlu l-qalb tħabbat, u li jqanqlu memorji u esperjenzi sbieħ li żgur mhu ħa ninsa qatt.’

Fejn tidħol il-produzzjoni, żewġ kanzunetti huma xogħol ta’ Manolito Galea, filwaqt li Elton Zarb, Andrew Zammit, Philip u Sean Vella kienu responsabbli minn kanzunetta kull wieħed. L-ippubblikar diġitali huwa xogħol il-kumpanija CAP-Sounds.

Għal aktar informazzjoni idħlu f’dan il-link.