Wasal l-aħħar jum għar-Renju Unit fl-Unjoni Ewropea

Protest outside the Houses of Parliament in London
REUTERS/Toby Melville

Il-grupp dwar Brexit wasal sabiex isolvi l-aħħar problem fi Brussell ilbieraħ dan hekk kif illum, ir-Renju Unit se jkun qed joħroġ mill-Unjoni Ewropea.

Għall-ħabta ta’ nofsillejl, is-27 Stat Membru Ewropew li r-Renju Unit se jħalli warajh, approvaw il-ftehim dwar Brexit li ntlaħaq f’Ottubru li għadda wara tliet snin ta’ negozjar u taħdidiet.

L-approvazzjoni għaddiet b’dik li hija msejħa “written procedure”, jiġifieri, kull stat bagħat email bl-approvazzjoni tiegħu.

Intant, il-BBC qed jirrapporta kif illejla, il-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson se jkun qed jiddikjara l-bidu ta’ era ġdida. Ir-Renju Unit se jkun qed joħroġ mill-Unjoni Ewropea wara 47 sena. Id-diskors tiegħu se jixxandar illejla fl-10pm (11pm għal Malta).

Ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea se jkunu għaddejjin minn perjodu ta’ tranżizzjoni. Dan hekk kif it-tibdiliet tal-ftehim milħuq mhux se jkunu qed jidħlu fis-seħħ mil-lum għall-għada, iżda se jinbidlu ftit ftit fix-xhur li ġejjin.

Il-maġġoranza tal-liġijiet Ewropej se jibqgħu applikabbli fir-Renju Unit sal-aħħar ta’ Diċembru, inkluż il-ħelsien li wieħed jemigra minn u lejn ir-Renju Unit. Ir-Renju Unit, għandha t-tir li tilħaq ftehim permanenti dwar in-negozju mal-Unjoni Ewropea sal-aħħar ta’ Diċembru.