Wasal il-Festival Barokk 2015

Is-suċċess tal-Festival Barokk fuq ix-xena kulturali internazzjonali huwa rifless mill-interess li dejjem qed jikber fost l-operaturi tal-ivjaġġar li qed iġibu iktar viżitaturi minn barra speċifikament għal dan l-avveniment.
B’21 avveniment mifruxa fuq 15-il ġurnata f’7 postijiet differenti, il-verżjoni tal-2015 tibni fuq is-suċċess tal-ewwel tnejn. Għall-ewwel darba, il-Knisja ta’ San Pubulju se tkun waħda mill-postijiet fejn ser isiru żewġ kunċerti:  Il-manifika “Il Diluvio Universale” ta’ Michelangelo Falvetti se tindaqq mill-Cappella Mediterranea taħt id-direzzjoni ta’ Leonardo Garcia Alarcon fl-20 ta’ Jannar u fit-23 ta’ Jannar “Le Concert Spirituel” minn Franza li ser idoqqu mużika ta’ Antonio Lucio Vivaldi u André Campra.
Il-Festival tal-2015 huwa ddedikat għall-memorja tal-kompożitur Malti Geronimo Abos għax fl-2015 ikun iċċelebrat it-300 anniversarju minn twelidu.
L-Orchestra of the Age of Enlightenment tirritorna biex iddoqq il-glorjuża Passjoni skont San Ġwann ta’ Bach fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann. L-Orkestra Filarmonika ta’ Malta, immexxija minn Peter Stark, se tippreżenta programm innovattiv ta’ xogħlijiet mis-seklu 20 ispirati mill-barokk li jinkludu kunċert bil-flawt ta’ Lukas Foss li se jindaqq mill-flawtista tal-Orkestra Rebecca Hall.
Il-Festival jinkludi wkoll avvenimenti speċifiċi għat-tfal u jilħaq il-qofol tiegħu bil-Ballu tal-Festival Barokk li se jsir fit-Teatru Manoel.
Artikli kummerċjali għandhom jintbagħtu fuq karl@newsbook.com.mt.