“Wasal biex jittaqqab quddiem ommu, talabha maħfra”

Curia – church.mt/photos

Id-Direttur tal-Caritas, Anthony Gatt, tkellem dwar mumenti tqal u oħrajn ħfief li jgħaddu minnhom dawk li jirnexxilhom jegħlbu l-vizzju tad-droga, u bħala eżempju semma raġel li esperjenza “mument ta’ dlam kbir” meta saħansitra wasal biex jittaqqab quddiem ommu. L-istess bniedem illum talabha maħfra, ħa ħajtu lura, u qed jgħix fuq saqajh għax irnexxielu jegħleb il-vizzju qerriedi tad-droga.

Dan id-diskors ingħad fiċ-ċerimonja tal-gradwazzjoni ta’ 16-il persuna mir-riabilitazzjoni tal-Caritas li saret ilbieraħ f’San Blas. Din iċ-ċerimonja ħabtet fil-Jum Internazzjonali kontra l-abbuż u t-traffikar tad-droga, u fl-isfond tal-50 sena mit-twaqqif ta’ Caritas Malta u 30 sena mit-twaqqif tal-Komunità Terapewtika ta’ San Blas. Iċ-ċerimonja kienet preseduta mill-President George Vella u attenda għaliha wkoll l-Arċisqof Charles Scicluna.

Aqra: Caritas tfakkar il-50 sena b’wirja ta’ arti

Kemm-il persuna rrikorriet għall-Caritas fl-2018?

Id-Direttur Anthony Gatt ta wkoll xi statistika tan-nies li ħabbtu fuq il-bieb tal-Caritas fl-2018, li qal li kienet l-iżjed sena meta marru nies il-Caritas. Kien hemm 738 individwu bi problema ta’ sustanza u 529 qarib. Qal li din kienet l-ewwel darba fl-istorja tal-Caritas li dawk li marru minħabba l-kokaina (41%) kien jaqbeż lil dawk li marru minħabba l-eroina (31%). Bi 23%, qal li din kienet l-iżjed sena li marru nies għal għajnuna minħabba l-kannabis.

Aqra: Filmat: “L-għadd ta’ persuni li jabbużaw mid-droga mhuwiex allarmanti” – Grixti

Gatt fiehem li l-Caritas jinsab imħasseb fuq ir-roħs fid-droga, kif ukoll droga iktar qawwija.

“Il-kannabis b’użu rikreattiv ta’ aktar ħsara milli ġid”

Huwa għamel numru ta’ appelli, fosthom lis-sidien tal-istabbilimenti biex ma jdaħħlux tfal fil-postijiet ta’ divertiment, lil kull min għandu difer poter biex ma jużahx għall-fini tiegħu, lil min isuq bla rażan, lil min bla kuxjenza jistupra l-ambjent.

Qal li bħalissa donnu hemm sforz ikbar mill-Gvern fit-tisħiħ ta’ prevenzjoni, imma minkejja dan, tenna t-tama tal-Caritas li ma jingħatax aċċess legali għall-użu rikreattiv tal-kannabis, peress li dan ikun ta’ aktar ħsara milli ġid, peress li jgħaddi l-messaġġ lill-adolexxenti li l-kannabis mhix droga perikoluża. Qal li bejn il-21 u l-25 sena, il-moħħ ikun għadu qed jiżviluppa, u semma wkoll li l-aċċess għall-kannabis hu ta’ periklu għal min ibati minn mard mentali.

“Sigħat twal quddiem skrin iġibu vojt fil-qalb”

Gatt irrimarka li l-Caritas tinkwieta għall-ġenerazzjonijiet iż-żgħar meta jarawhom jeħlu mal-iskrins għal sigħat twal minn meta jkunu żgħar, mingħajr ma l-ġenituri jimponulhom limitu tal-ħin li jdumu jużaw it-teknoloġija. Qal li sitwazzjonijiet bħal dawn iwasslu għal vojt fil-qalb li faċli jimtela bid-droga. Qal li din l-isfida hi usa’ minn hekk, peress li f’Malta hawn sfida tad-dixxiplina fi strati differenti fis-soċjetà. Ikkummenta li ħafna drabi naraw il-ħsara ta’ fsied żejjed u kkwota l-qawl Malti “min jitħassar iħassar jew min tħajmu titilfu.”

“Mill-aħħar gradwazzjoni tlifna 2 persuni importanti”

Gatt qal li filwaqt li jifraħ lil dawk li kienu se jiggradwaw, ma jistax ma jħossx id-diqa tal-kalvarju li għaddejjin minnu dawk li qegħdin fit-triq, li mhux qed jaraw dawl f’ħajjithom, dawk li qed jagħmlu ħsara lilhom infushom u lil ta’ madwarhom. Semma wkoll żewġ persuni partikolari li tilfu ħajjithom mill-aħħar gradwazzjoni: lil Jean Cali li ddeskrivieha bħala dik “li kienet l-ewwel wiċċ li tara meta tersaq għall-għajnuna fl-Outreach il-Furjana, mara li kienet spalla, li kienet bħala oħt, bħala omm u xi drabi anki bħala nanna għal mijiet ta’ persuni.” Barra minn Jean Cali, semma wkoll lil Lino Cremona, li Gatt qal li kien fidil ħafna lejn il-missjoni tal-Caritas, u kien amministratur tad-djar, maniġer tar-riżorsi umani, u voluntier. “Kien ħabib, kien ikisser moħħu fuq il-klijenti u kif nistgħu ngħinuhom dejjem aħjar, kien bniedem li jaħdem għal qalbu u minn qalbu,” temm jgħid.

Gatt qal li fil-ħidma tiegħu jżomm f’moħħu kliem Mons. Victor Grech, li f’kull bniedem hemm iż-żerriegħa ta’ qawmien ġdid. Barra minn hekk, semma wkoll kliem Charles Miceli bħala kliem ta’ inkoraġġiment: “għall-bniedem fil-bżonn li hu żgur hu li nagħmlu dak kollu li nistgħu.”

Tibdil fil-Caritas

Rigward l-entità nfisha, Gatt qal li wasal biex jibda l-bini ta’ ċentru ġdid fil-komunità li se joffri aktar spazju, aktar aċċesibbiltà u aktar faċilitajiet. Qal ukoll li bħalissa qed jintemm tibdil sħiħ fil-binja ċentrali ta’ San Blas li se jwassal biex ikun hemm kmamar personalizzati minflok dormitorji u xawers komuni.

Qiegħda tissaħħaħ ukoll dik imsejħa Aftercare permezz ta’ Dar Charles Miceli. Gatt spjega li peress fl-2018 missew magħha 274 ruħ. Permezz ta’ din id-dar, wara l-fażijiet residenzjali tal-programmi ta’ San Blas għall-irġiel, għan-nisa, għall-Prison Inmates programme u anke b’opportunitajiet għall-persuni li ġejjin minn aġenziji oħra, dawn il-persuni jibqgħu ssibu programm ta’ appoġġ meħtieġ. Ir-riċerka turi li appoġġ bħal dawn wara li xi ħadd jingħata l-kura, jevita milli l-persuna terġa’ taqa’ fil-vizzju. 

Aqra: Charles Miceli kkonvinċieni napplika għal rwol fil-Caritas – id-Direttur tal-Caritas

Qal bħalissa qed jinbena ċentru speċjalizzat għall-adolexxenti bil-problema ta’ sustanzi, u dan hu ċ-Ċentru Tal-Ibwar fil-qasam Ta’ Kandja.

“Nistennew bi ħrara t-tlestija tal-housing soċjali”

Huwa spjega li jiltaqgħu ma’ ħafna każijiet ta’ sidien li jirrifjutaw l-kuntratti tal-kera b’mod li jġibu l-persuna li qed tipprova tikri daharha mal-ħajt, speċjalment meta peress li fi kliemu, “sar impossibbli li ssib kera dinjituża li hi affordabbli.” Lil dawn in-nies il-Caritas tħeġġiġhom għal skemi tal-Awtorità tad-Djar, bħas-sussidju sostanzjali fuq il-kera. Qal li qegħdin jistennew li jitlestew il-proġetti ta’ akkomodazzjoni soċjali.

Ringrazzjamenti

Gatt ma naqasx milli jirringrazzja lill-impjegati tal-Caritas, li jorganizzaw attivitajiet li joffru esperjenzi ġodda ta’ “natural highs” bħas-safar, sky diving, futbol, rota, ġiri, barbikjus, pikniks, go-karting, abseiling u anke opportunitajiet lil dawk li kellhom il-vizzju biex jagħtu xi ħaġa lura, inkluż meta jżuru lil sħabhom li jinsabu f’fażijiet iktar bikrija tal-programm.

Dwar il-President George Vella, Gatt qal li l-Presidenza dejjem kienet viċin il-Caritas u apprezza li Vella sab ħin jiltaqa’ mal-Caritas biex ikompli din ir-relazzjoni. Lill-Arċisqof Charles Scicluna, Gatt irringrazzjah kemm tal-barkiet li jagħtihom fil-proġetti li jressqulu u anke tas-sostenn tiegħu fil-proġetti kollha tal-Caritas. Irringrazzja wkoll lill-Ministru Michael Falzon, kif ukoll lil entitajiet oħra bħall-OASI u s-Sedqa, lit-tobba tad-detox, lill-psikjatri għall-appoġġ, lid-Dipartiment tal-Lifelong Learning, lill-infermiera fl-Isptar Monte Karmeli u lill-uffiċjali taż-żmien ta’ prova, lill-Jobsplus u lil-laboratorji tat-tossikoloġija.