Wasal biex Jitla’ s-siparju fuq il-Festival tal-Arti ŻiguŻajg 2019

B’rabta mal-għan tiegħu li jintroduċi d-dinja tal-Arti liċ-ċkejknin nett, ir-repertorju tal-Festival ta’ din is-sena mżewwaq b’għadd ta’ spettakli stimulanti, ikkuluriti u vibranti għat-tfal sa 4 snin.

Lumi

Read in English.

F’inqas minn ħmistax oħra, is-siparju proverbjali se jitla’ fuq l-edizzjoni tal-2019 ta’ ŻiguŻajg: il-Festival Internazzjonali tal-Arti għat-Tfal u ż-Żgħażagħ. B’21 spettaklu fuq firxa wiesgħa ta’ forom ta’ arti mmirati għat-tfal, minn trabi ta’ ftit xhur sa teenagers, m’hemmx dubju li l-Festival se jagħti pjaċir lil eluf ta’ tfal u l-familji tagħhom minn madwar Malta u Għawdex.

“Bħal dejjem, il-Festival ta’ din is-sena se jżomm mal-għan li l-arti u l-kreattività għat-tfal għandha tkun fil-qalba tal-ekoloġija kreattiva nazzjonali,” qal id-direttur tal-Festival Daniel Azzopardi. “Barra minn hekk, qed nipprovdu pjattaforma għall-artisti biex ikunu jistgħu juru l-ħiliet tagħhom fi spettakli interattivi u stimulanti maħluqin speċifikament għaż-żgħar nett.”

Fost il-21 produzzjoni fir-repertorju għat-tfal u ż-żgħażagħ, hemm numru ta’ wirjiet li huma mmirati apposta għal trabi u tfal żgħar sa 4 snin.

Fost dawn hemm il-produzzjoni Ġermaniża Woodpecker – installazzjoni viżwali u bil-ħoss maħsuba strettament għaċ-ċkejknin li għandhom bejn 4 xhur u sentejn. Din hija installazzjoni interattiva affaxxinanti, bl-iskultura u bil-mużika, li hi mfassla biex tinkoraġġixi l-interazzjoni u l-logħob.

Imbagħad hemm Home – xogħol ta’ teatru viżwali mid-Danimarka, dwar is-sens ta’ appartenenza u li tħossok komdu, kemm fid-dinja ta’ madwarek kif ukoll fik innifsek. Hija wirja li tqanqal il-ħsieb u li għandha toħloq kurżità dwar xi jfisser il-kunċett ta’ “id-dar”.

Produzzjoni oħra f’din il-kategorija hija Glimpse, xogħol tal-kumpanija Olandiża Oorkaan. Din se tistaqsi mistoqsijiet bħal: ‘Kif jinstemgħu l-kuluri?’ ‘Min jista’ jifhem il-qamar?’ ‘X’inhi tgħid ix-xemx?’ ‘Liema jagħmel l-iktar ħoss baxx – kuntrabaxx jew tanbur?’ ‘Kif iddoqq leħħa?’ ‘Kif tkanta siġra?’ u ‘Kemm-il kulur ikollha ħolma?,’ u se tipprova tweġibhom b’mod tassew maġiku.

U finalment, fil-portafoll tal-Festival għal spettaturi ċkejknin insibu Lumi, spettaklu u installazzjoni kkreata biex tqanqal is-sens tal-immaġinazzjoni u l-logħob. Din hija produzzjoni tal-kumpanija taż-żfin Šeiko u Dalija Acin Thelander mil-Litwanja.

“B’rabta mal-missjoni tiegħu, ŻiguŻajg għal darb’oħra qed jipprovdi spettakli li huma faċilment aċċessibbli għaż-żgħar nett,” ikkonkluda s-Sur Azzopardi. “Qatt mhu kmieni wisq biex tintroduċi l-arti fil-ħajja taċ-ċkejknin! Nemmen li jekk inkebbsu l-imħabba u l-apprezzament lejn l-arti fit-trabi u ż-żgħar, fl-aħħar mill-aħħar dan iwassal biex l-arti tkun verament fil-qalba tal-kultura u l-mod ta’ ħsieb tagħna. Ninsabu ħerqana biex naqsmu dawn l-ispettakli mal-ispettaturi ċkejknin u ferm speċjali tagħna, flimkien mal-ħbieb, il-familji u l-kustodji tagħhom.”

ŻiguŻajg hu organizzat mill-Fondazzjoni Kreattività u se jsir mill-15 sal-24 ta’ Novembru 2019. Ħafna mill-inizjattivi se jittellgħu fil-Belt Valletta u f’Għawdex. Il-booking għall-festival issa jinsab miftuħ. Għal aktar informazzjoni dwar l-għażla ta’ produzzjonijiet u biex tibbukkja l-biljetti żur is-sit.