Warren Muscat jinħatar Segretarju Ġenerali tal-Assoċjazzjoni taċ-Ċikliżmu ta’ Ġibiltà

Il-Fundatur u President tal-Klabb Malti tal-Multisport Agones, Warren Muscat, ġie reċentement maħtur Segretarju Ġenerali tal-Assoċjazzjoni taċ-Ċikliżmu ta’ Ġibiltà.
Il-ħatra ta’ Muscat ġiet ftit xhur wara li hu ġie appuntant Maniġer tat-Tim Nazzjonali għal-Logħob tal-Gżejjer (Island Games) tal-2017 u l-Logħob tal-Gżejjer tal-2019 li se jsiru f'Ġibiltà.
Minbarra din il-kariga, Muscat jifforma wkoll parti mill-Bord tal-Assoċjazzjoni tal-Logħob tal-Gżejjer ta’Ġibiltà, post li għalih ġie elett fl-2017 minn delegati t'aktar minn 25 pajjiż rappreżentati fl-Assoċjazzjoni.
"Għalkemm Ġibiltà hija pajjiż żgħir ħafna, ix-xena taċ-ċikliżmu hi attiva, u din mhix ta’ sorpriża għall-fatt li l-ġara tagħha, Spanja, hija meqjusa bħala waħda mill-iktar destinazzjonijiet popolari taċ-ċikliżmu, fejn hemm firxa kbira ta’ rotot li jolqtu kemm id-dilettanti kif ukoll il-professjonisti.  Huwa wkoll fatt li ħafna nies f'Ġibiltà jużaw ir-rota bħala mezz tal-ivjaġġar ta’ kuljum ", spjega Muscat.
Muscat u t-tim tiegħu se jiffukaw fuq it-tħejjija tat-tim Nazzjonali għal numru ta' impenji internazzjonali, l-ewwel wieħed minnhom se jkun il-Logħob tal-Commonwealth f’April u l-organizzazzjoni tat-tlielaq għal-Logħob tal-Gżejjer 2019.
Barra minn hekk, l-Assoċjazzjoni nediet programm ta’ sentejn immirat lejn il-promozzjoni taċ-ċikliżmu f'Ġibiltà u sabiex tħeġġeġ iċ-ċikliżmu kompetittiv fost iż-żgħażagħ u n-nisa. Bħala parti mill-isforzi tal-Assoċjazzjoni biex tagħti aktar esperjenzi internazzjonali lill-atleti tagħha, Muscat jistenna bil-ħerqa l-possibbiltà ta’ proġetti konġunti u koperazzjoni mill-eqreb mal-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu.
"Huwa unur għalija li nkun fdat b'din ir-responsabbiltà, ninsab kunfidenti li l-esperjenza li ksibt bħala amministratur sportiv se jiġi użat tajjeb. Dan ir-rwol huwa wkoll ta' unur għalija u opportunità sabiex inpoġġi lil Malta fuq il-mappa internazzjonali”, temm jgħid Muscat.