Warrbu l-kuluri partiġġjani – Delia lill-Gvernaturi tal-Lands

“Keċċi lil Azzopardi mbagħad tkellem dwar il-Lands” – PL

PN

Read in English.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia appella lill-Bord tal-Gvernaturi tal-Awtorità tal-Artijiet biex għada jwarrbu l-kuluri partiġġjani tagħhom meta jkun qed jiddeċiedu dwar x’poteri se jingħata l-Kap Eżekuttiv.

Fi stqarrija, Delia qal li t-tibdil qed isir fuq l-ordni tas-Segretarju Parlamentari Chris Agius biex numru ta’ poteri jkunu delegati mill-Bord u jingħataw lill-Kap Eżekuttiv James Piscopo, li huwa wkoll l-eks Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista.

“Nappella lill-Gvernaturi biex fid-deċiżjoni tagħhom jaraw l-interess ta’ pajjiżna, u jwarrbu l-kuluri partiġġjani. Infakkar li l-Awtorità tal-Artijiet twaqqfet sabiex ma jkomplux isiru l-iskandli li rajna fil-leġislatura li għaddiet fid-Dipartiment tal-Artijiet fosthom Cafe Premier, Australia Hall u Strada Zekka,” qal Delia.

“Keċċi lil Azzopardi mbagħad tkellem dwar il-Lands” – PL

F’risposta għal dak li qal Delia, il-PL qal li hu mhux kredibbli biex jitkellem dwar l-Awtorità tal-Artijiet.

“Biex jagħmel dan, Delia għandu l-ewwel jeħles mid-deputat tiegħu li nstab responsabbli mill-Awditur Ġenerali bl-ikbar skandli f’dak li kien id-Dipartiment tal-Artijiet. Responsabbiltà li kienet ikkonfermata anke mill-Qorti,” qal il-PL. Il-PL kien qed jirreferi għad-deputat tal-PN Jason Azzopardi.

Il-PL qal li Delia lanqas biss semma l-iskandli tal-Fekruna, il-binja tal-HSBC fil-Belt u d-deal tal-Lowenbrau.

Skont il-PL, “ir-riforma li saret fl-Awtorità tal-Artijiet minn dan il-gvern tassigura li skandli bħal dawn ma jsirux”.

Il-Gvern ma ċaħadx l-akkużi dwar il-Wasteserv – Azzopardi

Ftit qabel ma ntbgħatet l-istqarrija tal-PL, Jason Azzopardi ffirma stqarrija maħruġa mill-PN.

Fiha qal li t-Tnejn li għadda l-PN għamel sensiela ta’ akkużi fuq is-sitwazzjoni “gravi” fl-inċineratur tal-Marsa, fl-impjant ta’ Sant’Antnin u fil-Magħtab, tant li impjegati tal-Wasteserve fil-Marsa kellhom jittieħdu l-isptar għall-kura.

Skont Azzopardi, il-Gvern filgħaxija ħareġ stqarrija li fiha ma ċaħad l-ebda akkuża. Qal li t-Tlieta l-Oppożizzjoni sfidat lill-Ministru għall-Ambjent biex jagħti aċċess lill-midja għall-impjanti tal-Wasteserv.

“Il-Gvern ħarab minn din l-isfida,” qal Azzopardi li kompla jgħid li diversi rapporti fil-midja taw raġun lill-PN.

Wara l-ħruq tal-impjant ta’ Sant’Antnin fl-2017 ix-xogħol ma sarx – PN