Aġġornata: Warrant tal-għalliema: L-MUT u l-UPE b’ideat differenti

Mis-sena skolastika li ġejja, l-għalliema kollha li se japplikaw għall-warrant ser ikollhom jippreżentaw il-fedina penali tagħhom. L-Unjin għall-Edukaturi Professjonali (UPE) sostniet li allura kull professjonist li jaħdem mat-tfal għandu juri l-istess. Minn naħa l-oħra, il-Unjin tal-Għalliema Maltin (MUT) ma qablitx mal-preżentazzjoni tal-fedina penali, hekk kif sostniet li diġà hemm biżżejjed miżuri għall-protezzjoni tal-minuri.

Fi stqarrija mingħand il-UPE, ġie spjegat li l-Kunsill tal-Għalliema ħa din id-deċiżjoni, u li l-bidla se tkun li flok jiġi ppreżentat iċ-ċertifikat tal-kondotta, issa se jiġi ppreżentat il-fedina penali tagħhom maħruġa fl-aħħar xahar.

Id-differenza bejn il-kondotta u l-fedina penali hija li l-kondotta hija estratt mill-fedina penali. Skont il-Professur tal-Liġi fl-Università ta’ Malta Kevin Aquilina, wara ċertu żmien, ċertu reati kriminali jitneħħew mill-kondotta tal-pulizija. Minn naħa l-oħra, il-fedina penali turi kollox.

IL-UPE sostniet li għalkemm tilqa’ dan il-pass li jgħin jissalvagwardja lit-tfal, ifakkar li hemm professjonisti oħrajn li jaħdmu mat-tfal. B’hekk, huma wkoll għandhom ikunu obbligati li jippreżentaw il-fedina penali tagħhom flok iċ-ċertifikat tal-kondotta.

“Hemm biżżejjed miżuri ta’ protezzjoni” – MUT

Il-Unjin tal-Għalliema Maltin (MUT) sostniet li diġà hemm biżżejjed miżuri li huma salvagwardji.

Fi stqarrija, hi spjegat li għalliema ġodda jridu juru ċ-ċertifikat tal-kondotta lil min iħaddimhom, u wara jridu jiġu approvati b’riferenza għall-Att għall-Protezzjoni tal-Minuri (POMA). B’hekk, il-miżuri diġà qiegħdin f’posthom, skont l-MUT, u mhux se taċċetta li jsiru repetizzjonijiet tal-proċessi, lanqas b’ordni mill-Kunsill tal-Għalliema.

Ikkonkludiet billi qalet li se tkun qed tiltaqa’ mal-Kunsill biex tispjega l-pożizzjoni li ħadet fid-dettall, għalkemm diġà ġie spjegat li din hija proposta u għadha mhix deċiża.