“Warrab” – lukandier lil Delia

Read in English.

Il-lukandier u negozjant Winston J Zahra rreaġixxa għar-riżultat tal-isħarriġ li ġie ppubblikat l-Ħadd li għadda mill-Malta Today u appella lit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista biex “iwarrab għall-ġid tal-pajjiż u biex iħalli lil xi ħadd li għandu livell għola ta’ fiduċja biex imexxi lill-Oppożizzjoni”.

Il-kumment ta’ Zahra jaqbel mal-kummenti li għadd ta’ deputati Nazzjonalisti qalu ma’ Newsbook.com.mt. Il-Membri Parlamentari xtaqu jibqgħu anonimi iżda qalu li jekk il-Partit Nazzjonalista ma jiġġeddidx, la jsalva l-partit u lanqas ikun jista’ jsalva lil Malta.

L-MPs li tkellimna magħhom jemmnu li hemm min jieħu post Delia, iżda ppreferew li ma jsemmux ismijiet. Qalu biss li dawn ma jridux ikunu nies li kellhom karigi għolja qabel jew issa.

L-elettorat m’għandux fiduċja fit-tmexxija tal-PN

Zahra kiteb li “tħobbhom jew tobgħodhom, “l-istħarriġ tal-Malta Today għandhom track record ta’ eżattezza”.

Żied jgħid li r-riżultati tal-istħarriġ ippubblikat il-Ħadd juru li t-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista ta’ bħalissa fallew bil-kbir għax sempliċiment m’għandhomx il-fiduċja tal-elettorat f’dan iż-żmien prekarju.

Ikkonkluda billi qal li wasal iż-żmien li t-tmexxija tal-Partit tħares fit-tul fil-mera u taċċetta li Oppożizzjoni b’saħħitha hija essenzjali għal demokrazija soda.