Sala f’Mater Dei tingħalaq; 6 tobba kwarantina – rapport

Miguela Xuereb

Read in English.

Rapporti fil-midja lokali qed jgħidu li llum ingħalqet ward fl-Isptar Mater Dei minħabba pazjent li nstab pożittiv għall-coronavirus. Jidher ukoll li hemm sitt tobba kwarantina b’rabta ma’ dan.

Il-ġurnal Times of Malta spjega li l-ward ingħalqet bħala miżura ta’ prekawzjoni. Il-pazjent kien qed jirċievi l-kura f’Medical Ward 3. Is-sorsi tal-ġurnal qalu li l-pazjent instab pożittiv għall-virus illum waranofsinhar.

Illum, il-Ministeru għas-Saħħa ħabbar li matul il-jum tal-bieraħ instab biss każ wieħed ġdid tal-coronavirus. Qal li dan kien marbut mal-cluster li ħareġ mill-party li seħħ aktar kmieni f’Lulju.

Fl-aħħar jiem Malta rat żieda ta’ każi tal-coronavirus. Filwaqt li fil-maġġoranza tagħhom kien irrappurtat li kienu relatati mal-party li sar fil-lukanda tar-Radisson f’San Ġiljan, jidher issa wkoll li kien hemm każi relatati wkoll ma’ marċi tal-festi.

Propju llum, l-awtoritajiet tas-saħħa żvelaw li persuna pożittiva għall-coronavirus attendiet avvenimenti relatati mal-festa ta’ Santa Venera. L-avvenimenti jinkludu li marret il-każin tal-banda nhar it-22 ta’ Lulju u l-marċ tal-banda tal-Ħamis 23 ta’ Lulju.