Wara tant stennija jaslu l-ikel u l-mediċina f’belt fis-Sirja

Ikel u mediċina waslu fil-belt ta’ Douma fis-Sirja, l-ewwel darba wara nhar it-Tnejn li għadda.  Għal jiem sħaħ, bosta familji kielu ikla waħda biss.

Konvoj tan-Nazzjonijiet Magħquda rnexxielu jidħol fiż-żona maħkuma mir-ribelli f’din il-belt fil-Punent ta’ Ghouta, li kienet taħt attakki kontinwi.
Dan seta’ jsir hekk kif kien hemm pawża mill-attakki mill-Gvern Sirjan matul il-lejl.
Illum is-sitwazzjoni ġiet deskritta bħala waħda kalma, hekk kif l-attakki majnaw.
L-aġenziji tan-Nazzjonijiet Magħquda talbu diversi drabi lill-Gvern Sirjan u anke lir-Russja, biex jieqfu għal ftit biex ikunu jistgħu jqassmu l-provvista umanitarja.
Kelliema għall-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar qalet li għandhom indikazzjonijiet li konvoj ikbar b’aktar provvista mistenni jasal il-ġimgħa d-dieħla.
Ritratt: Reuters