Filmat: Wara t-theddida ta’ bomba, tidwi l-għajta għar-4 vapur

It-traffiku u l-ġenn li lbieraħ inqalgħu wara l-allarm, aktarx falz, ta’ bomba fuq wieħed mill-vapuri tal-Gozo Channel qanqlu bosta kummenti fuq il-midja soċjali dwar kemm fil-verità hu attrezzat tajjeb is-servizz tal-vapur bejn Malta u Għawdex għal meta tinqala’ problema għal għarrieda.
Kumment partikulari kien li l-flotta teħtieġ ir-raba’ vapur, u li l-konġestjoni li nqalgħet minħabba dan l-inċident turi li meta mqar vapur wieħed ikollu jieqaf, jieqaf Għawdex kollu.
Ilbieraħ f’ħin minnhom il-kju għall-vapur taċ-Ċirkewwa kien saħansitra sat-Torri l-Aħmar, u dawk li kienu qed jistennew l-Imġarr t’Għawdex baqgħu telgħin s’Għajnsielem.
Id-diskussjoni dwar ir-raba’ vapur għall-flotta mhix ġdida. F’Novembru li għadda kien il-Ministeru għal Għawdex stess li qal li l-Gvern qed jikkunsidra r-raba’ vapur, minħabba li n-nies li jużaw il-Gozo Channel żdiedu sostanzjalment.
Id-diskussjoni fuq il-mezzi soċjali kompliet,meta daħlet fin-nofs il-mina proposta bejn iż-żewġ gżejjer.
Filwaqt li wħud żammew sod mal-idea tar-raba’ vapur, saħansitra anki talbu biex jitkabbar il-port ħalli jkun hemm fejn jiċċaqalqu tajjeb, oħrajn talbu li tibda tinbena l-mina immedjatament.
Dawn qalu li huma favur il-mina, filwaqt li staqsew kif jista’ jkun hawn min hu kontriha. Kumment minnhom jgħid li Għawdex inqata’ mid-dinja b’dan l-inċident, u rrimarka li b’inċident simili tkun trid issiefer ma tlaħħaqx l-ajruplan.
Għal dan il-kumment, wieġeb ħaddieħor li qal li jekk ikun hemm allarm ta’ bomba fil-mina xorta waħda din tingħalaq ukoll.
Apparti minn dan kollu, it-trasport fil-fliegu hu kwistjoni taħraq, speċjalment għall-Għawdxin li jaħdmu Malta.
Barra l-flotta tal-Gozo Channel u l-mina, hemm ukoll il-proġett tal-fast ferry, liema proġett hu preferut mill-istudenti Għawdxin (GUG). Ftit jiem ilu ġie sospiż l-għeluq għall-applikazzjoni biex jinstab operatur għas-servizz minħabba diżgwid bejn il-Virtu Ferries u l-Gozo Channel.