Wara t-telfa f’Mosul, l-ISIS jippjana gwerra ċivili oħra

Wara li ġimagħtejn ilu l-Iraq iddikjara li xejjen il-preżenza tal-ISIS f’Mosul, jidher li l-grupp Iżlamiku kien ilu jipprepara għal dan billi nfirex xi mkien ieħor, lest għal gwerra differenti, dik ċivili.
Uffiċjali Iraqini qalu lill-midja li ilhom xhur jinnutaw ġellieda tal-ISIS joħorġu minn Mosul u jerħulha lejn il-muntanji f’Ħamrin,fil-Grigal tal-pajjiż.
Iċ-ċans hu, ikomplu dawn l-uffiċjali, li issa l-ISIS m’għadhomx bil-ħolma li jwaqqfu kaliffat Iżlamiku fiż-żminijiet moderni, iżda qed jippjanaw li jerġgħu jqajmu gwerra ċivili oħra fl-Iraq simili għal dik li kienet ikkawżat l-al-Qaeda lura fl-2003, meta l-Istati Uniti invadew il-pajjiż.
Wieħed mill-aktar uffiċjali għolja Kurdi li qed jiġġieldu lit-terroriżmu fl-Iraq, qal lill-midja li hu jħoss li l-agħar għadu ġej fil-pajjiż.
Uħud mill-ġellieda tal-ISIS kienu parti mill-al-Qaeda u t-terrur li firxet, meta għexieren ta’ karozzi-bomba kienu jisplodu kuljum, u jħallu warajhom għadajjar ta’ dmija.
Fil-fatt, meta l-al-Qaeda nqerdet, xi militanti li baqgħu ħajjin ħarbu għad-deżert bejn l-Iraq u s-Sirja. Snin wara reġgħu dehru b’bandiera ġdida, u kienet dik tal-ISIS.
L-ISIS kien kiber ferm aktar mill-al-Qaeda, u ssupera bil-qawwa l-brutalità mwettqa, b’filmati ta’ qtugħ tal-irjus li ġrew mad-dinja kollha.
Bil-maqlub tal-al-Qaeda, l-ISIS irnexxielhom jokkupaw terz tal-Iraq, u issa li tilfu din l-art, il-biża’ hu li jużaw dan l-għarfien tal-art biex jirnexxilhom fil-pjanijiet ta’ gwerra ċivili oħra.