Wara snin taħseb li mietet issib li bintha ġiet maħtufa

Wara sitt snin mill-allegat mewt ta’ bintha li kienet għadha tat-twelid, is-sens matern tal-omm Amerikana wassalha sabiex tarafha waqt li kienet mistiedna għal festin ta’ għeluq snin tifla ta’ xi ħbieb tagħha.

Luz Cueva kienet għall-festin fl-2004 meta rat tifla b’xagħarha skur li kienet tidher familjari ħafna. Hi ssusspettat li t-tifla kienet bintha u għajjtitilha biex tneħħilha xi bubblegum minn xagħrha. Kien hemm li ħaditilha biċċa żgħira minn xagħrha sabiex tagħmel it-testijiet mediċi.

Skont rapporti fil-midja ta’ dak iż-żmien, Luz kienet tgħallmet tagħmel dan minn fuq it-televiżjoni.

Fl-1997, it-tifla li dak iż-żmien kellha biss għaxart ijiem kienet rieqda fil-kamra tas-sodda, meta beda nar fid-dar tal-familja f’Philadelphia. Luz telgħet fil-kamra ħdejn it-tifla imma ma setgħetx issibha u saħansitra rat it-tieqa miftuħa. Hi mbagħad intilfet minn sensiha kawża tal-ħruq li sofriet f’wiċċha u d-dħaħen.

Għaldaqstant, il-fdalijiet tat-tarbija qatt ma nstabu fid-dar. Il-Pulizija kienu kkonkludew li t-tifla kienet ġiet inċinerata fin-nirien. Madanakollu Luz qatt ma emmnet dan ir-raġunar. Tgħid li dakinhar kienet qalet lill-ħaddiema tas-salvataġġ li bintha kienet insterqet imma dawn ma emmnuhiex.

Wara t-test tad-DNA, sitt snin wara, il-mara sabet lil bintha li kienet insterqet minn kuġintha wara li żżewġet lil missier it-tarbija. Hi kienet bdiet in-nar fid-dar biex taħbi l-ħtif tat-tarbija. Hi mbagħad ħadet lit-tifla magħha u bdiet tgħid li kienet bintha. Aktar tard hi nstabet ħatja ta’ ħtif, ksur ta’ liġi, li wettqet attakk, li ħbiet fejn kienet tinsab it-tifla u li interferiet fil-kustodja tat-tifla. Għal dawn weħlet sentenza ta’ bejn disa’ u 30 sena ħabs.

Fl-2004, t-tifla reġgħet marret tgħix lura ma ommha, li qatt ma kienet saret taf u reġgħet ħadet lura l-ewwel isem tagħha, li kien Delimar.