Wara r-riżenja ta’ Joe Cassar, il-PN jisfida lill-Prim Ministru

Wara li l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Bussutil aċċetta r-riżenja ta’ Joe Cassar minn Kelliem tal-Oppożizzjoni, il-Partit Nazzjonalista staqsa lill-Prim Ministru x’se jkun qiegħed jagħmel issa hu.
Il-PN staqsa x’se jagħmel il-Prim Ministru bis-Segretarju Parlamentari Michael Falzion wara li fi kliem il-PN hu mdaħħal fl-iskandlu ta’ Gaffarena.
Staqsa wkoll x'se jagħmel b’kuġinuh li allegatment kien “kien involut direttament fl-iskandlu tal-visas tal-Alġerini.”
L-istqarrija tisfida wkoll lill-Prim Ministru biex jieħu pożizzjoni dwar is-Segretarju Parlamentari Ian Borg, li qed ikun investigat mill- Kummissjoni Kontra l-Korruzzjoni dwar allegat abbuż ta’ poter, u anke dwar il-Ministru Helena Dalli, li skont il-PN wettqet xogħol illegali fuq il-farmhouse tagħha.
Il-Partit Nazzjonalista saħaq li Joseph Muscat ta lil Gaffarena kull ma ried, fosthom pompa tal-petrol illegali u kumpens illegali ta’ €3.5 miljun għal nofs dar fil-Belt.