Wara r-rebħa tal-bieraħ, il-President ta’ Gżira United illejla jkun fuq Replay

Il-President ta’ Gżira United, Sharlon Pace se jkun il-mistieden fl-istudio ta’ Replay fil-programm tal-lejla li jibda fid-8:45pm fuq Net Television.

Ilbieraħ is-Sibt, Gżira kisbu rebħa importanti meta f’konfront dirett għelbu lil Sliema Wanderers 3-2 biex telgħu fl-ewwel post tal-klassifika, bl-istess ammont ta’ punti daqs Hibernians. Bi preżentazzjoni ta’ Christian Micallef, Pace se jkun mistieden fl-istudio flimkien mal-opinjonista tal-programm, Konrad Sultana.

F’Replay tal-lejla, se tkun qed tixxandar intervista esklussiva u mhux ta’ min jitlifha mal-kowċ nazzjonali Malti, Devis Mangia. Din l-intervista saret il-bieraħ, f’ambjentazzjoni mhux tas-soltu, hekk kif Mangia kellu l-pjaċir jilqa’ lil Micallef u l-crew televiżiv ta’ Net Television, fid-dressing room tat-tim nazzjonali f’Ta’Qali. Żgur li wieħed m’għandux jitlef milli jsegwi din l-intervista, b’mistoqsijiet diretti u mngħajr kantunieri, b’Mangia jwieġeb għal kull domanda li saritlu, anke dawk diffiċli.

Bħal kull nhar ta’ Ħadd, l-ewwel parti ta’ Replay fuq Net Television, tixxandar fis-6:45pm permezz tal-programm qasir u mexxej, ‘Replay Live Score’. Matul dan il-programm li jixxandar eżatt qabel Net News tas-7:30pm, wieħed jista’ jara s-servizzi tal-partiti kollha li jkolna matul tmiem il-ġimgħa mill-Kampjonat Premier, National Challenge League kif ukoll uħud mill-partiti tal-National Amateur League u saħansitra l-gowls kollha tal-partiti li jintlagħabu, fiż-żewġ diviżjonijiet f’Għawdex tal-GFA.

Wara dan il-programm, jixxandar il-programm ta’ diskussjoni Replay li jibda fid-8:45pm fuq Net Television, fejn l-attenzjoni tkun aktar fuq il-partiti l-kbar mill-Kampjonat Premier, u temi oħra kurrenti ta’ diskussjoni marbuta mal-futbol Malti.

Dan it-tagħrif twassal mit-tim ta’ Replay.