Wara r-Rapport Scicluna: Il-Papa Franġisku jammetti li żbalja fil-każ ta’ abbużi sesswali fiċ-Ċilì

Il-Papa Franġisku qal li jħoss mistħija u weġgħa għall-mod żbaljat li bih evalwa s-sitwazzjoni fiċ-Ċilì fil-każ ta' allegazzjonijiet li diversi, fosthom l-Arċisqof Barros kienu jafu u għattew għadd ta' abbużi sesswali.
Fl-ittra tiegħu lill-Konferenza Episkopali Ċilena fit-8 ta’ April, il-Papa Franġisku qal li kien ir-rapport ta’ 2,300 paġna mħejji mill-Arċisqof Scicluna, li wasslu biex jikteb l-ittra.
Ir-rapport kien ibbażat fuq 64 testimonjanza fi New York u ċ-Ċilì.
Huwa talab maħfra pubblikament u qal li se jagħmel dan ukoll personalment ma' rappreżentanti ta' dawk li l-Arċisqof Charles Scicluna intervista meta kien iċ-Ċilì.
Il-Papa sejjaħ lill-Isqfijiet Ċileni għal-laqgħa f'Ruma u talab il-kollaborazzjoni tagħhom għall-miżuri li għandhom jiġu adottati. 
Fl-ittra lill-Konferenza Episkopali Ċilena huwa qal li x-xhieda kienet waħda diretta, mingħajr tiżjin jew ħlewwa, xhieda ta' diversi ħajjiet imkissra li, huwa stqarr, iġiegħluh jistħi.
Fi tweġiba, it-tliet protagonisti f'dan il-każ:James Hamilton, Juan Carlos Cruz u Jose Andres Murillo, qalu li filwaqt li laqgħu l-apoloġija tal-Papa, qed jevalwaw l-istedina tiegħu biex imorru l-Vatikan. Huma qalu li l-ħsara ma saritx lilhom biss u jeħtieġ li jkun hemm riparazzjoni.
Il-lajċi ta' Osorno, iċ-ċentru ta' dan l-iskandlu, ukoll laqgħu l-apoloġija tal-Papa u talbu għal djalogu ta' fejqan.