Wara li waqa’ fuq l-artal, il-Papa jitkellem dwar meta naqgħu

Appell imqanqal mill-Papa Franġisku lill-eluf ta’ żgħażagħ li nġabru f’Park Blonia fi Krakovja, fil-Polonja, hekk kif b’mod uffiċjali ngħata bidu għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ.
Filwaqt li fakkar liż-żgħażagħ, “li meta naqgħu, Ġesù jgħinna nqumu”, il-Papa qasam magħhom, żewġ tagħlimiet li kellu f’ħajtu.
Franġisku spjega kif fis-snin li għamel bħala Isqof, tgħallem li xejn mhu isbaħ mill-entużjażmu, id-dedikazzjoni u l-enerġija ta’ tant żgħażagħ li jafu jgħixu ħajjithom.
Esprima s-sodisfazzjon tiegħu meta jisma’ liż-żgħażagħ jaqsmu l-ħolm tagħhom, jistaqsu u juru n-nuqqas ta’ paċenzja ma’ dawk li jgħidu li l-affarijiet ma jistgħux jinbidlu.
Il-Papa stqarr li għalih huwa rigal minn Alla li ħafna żgħażagħ jippruvaw jagħmlu d-differenza. Saħaq li l-Knisja tħares lejhom u trid titgħallem minnhom.
Il-Kap tal-Knisja Kattolika qal li l-ħniena għandha dejjem wiċċ żagħżugħ, b’qalb li tħenn u li tagħti refuġju lil dawk bla dar u familja lir-refuġjati u l-immigranti.
Tagħlima oħra tal-Papa Franġisku hi li biex iż-żgħażagħ ikollhom ħajja kompluta, iridu jinfetħu aktar għall-oħrajn u joqogħdu aktar attenti.
Esprima l-uġigħ tiegħu meta jiltaqa’ ma’ żgħażagħ “li qishom għażlu li jirtiraw kmieni, li jgħixu ħajja bla tifsira, u li jaqtgħu qalbhom qabel ma tkun għadha bdiet il-logħba.”
Il-Papa stqarr kemm hu diffiċli għalih jara żgħażagħ li jaħlu ħajjithom ifittxu toroq eċitanti imma mudlama, li fl-aħħar mill-aħħar ikollu jħallsu għall-għażla li jkunu għamlu.
Stedinhom jidħlu għall-avventura li jibnu l-pontijiet u jwaqqgħu l-ħitan, biex jgħinu lill-foqra, lil dawk solitarji, abbandunati u li m’għandhomx tifsira għal ħajjithom.
Ħeġġiġhom ukoll jisimgħu b’attenzjoni lil dawk lill-popli ta’ kulturi oħra, anke dawk li jibżgħu minnhom għax jikkunsidrawhom theddida.
Fiċ-ċerimonja ta’ merħba, ġew imsejħa bil-kant, il-kontinenti wieħed wara l-ieħor, u telgħu fuq il-palk il-bnadar kollha ta’ dak il-kontinent, flimkien ma’ xbieha ta’ qaddis jew qaddisa. L-“10 qaddisin żgħażagħ”, għaddew il-Ktieb tal-Vanġelu lil xulxin, sakemm għaddewh lid-djakni li xandru l-Vanġelu.