Wara li tiekol, naddaf!

Suppost, minn meta konna żgħar ġejna mgħallma li wara kull ikla għandek tnaddaf il-mejda u ma tħallix ħmieġ warajk. 
Imma jidher li n-nies li nhar is-Sibt filgħaxija xtraw l-ikel u kieluh fil-promenade taż-Żurrieq, ma tantx jinteressahom iħallu n-nadif.
Ir-ritratt li rċievejna fuq info@newsbook.com.mt u li ttieħed kmieni l-Ħadd filgħodu, juri wieħed mill-bankijiet tal-promenade miksi bil-ħmieġ tal-ikel.
Mhux talli l-bank biss kien mimli bil-ħmieġ iżda anke l-art, li kienet miksija bil-kaxxi u l-boroż.
Ta' min jgħid ukoll li fil-promenade taż-Żurrieq (kif jidher sew fir-ritratt) kull ftit metri hemm tankijiet suwed li xogħolhom hu proprju biex jintrema fihom l-iskart.
Nittamaw li darb'oħra nirċievu ritratt ieħor ta' Fifla mingħajr ma jkun imtappan bil-ħmieġ li jħalli warajh il-bniedem!