Wara li ġie elett, Papa Franġisku irrifjuta li jorqod fir-residenza tal-Papa

Ftit minuti wara li ntgħażel bħala l-Papa l-ġdid, Jorge Mario Bergoglio mill-ewwel wera li se jkun Papa li se jimxi differenti minn ta’ qablu.

Dak il-lejl li sar il-Mexxej tal-Knisja Kattolika, Papa Franġisku, flimkien mal-kardinali mar lura fir-residenza Santa Marta fil-Vatikan.

Minflok mar jorqod fil-kamra tal-Papa li hemm f’din ir-residenza, għażel li jqatta’ il-lejl fil-kamra 207, il-kamra li kien qed jorqod fiha bħala kardinal qabel u waqt il-Konklavi. Fl-istess kuridur kien hemm il-kardinali l-oħra eletturi.

Il-kamra riservata għall-Papa f’Santa Marta hi appartament żgħir mgħammra b’uffiċċju, salott żgħir u kamra tas-sodda.

Quddiem il-kamra 207, dakinhar il-ħaddiema tal-Vatikan kellhom jarmaw uffiċċju żgħir biex ikunu jistgħu jidħlu l-awguri tal-kapijiet tal-istati u anke l-iktar dokumenti neċessarji għall-Papa.

Hu magħruf ukoll li l-għada li ġie elett Papa, minflok rikeb il-karozza tiegħu, għażel li jdur fit-toroq ta’ Ruma fuq il-vann li kienu qed jivvjaġġaw bih il-kardinali.

Intant, hekk kif ilbieraħ kienet il-festa ta’ San Ġużepp, Papa Franġisku ċempel lil Benedittu XVI biex jawguralu l-festa t-tajba u anke jirringrazzjah tal-ħidma tiegħu fi ħdan il-Knisja.