Wara li sejjaħ MEPs tradituri, Tony Zarb lura fuq Facebook

Wara li diversi ilmenti u rapporti wasslu biex jingħalaq il-profil ta’ Facebook, tal-eks Segretarju Ġenerali tal-GWU, Tony Zarb, il-paġna tiegħu reġgħet infetħet f’temp ta’ ftit sigħat.
Fl-ewwel post tiegħu minn meta reġa’ kiseb l-aċċess, Zarb kiteb biex jirringrazja lil dawk li fi kliemu tawh l-appoġġ u wrew solidarjetà miegħu.
Ilbieraħ ma’ Newsbook.com.mt, Tony Zarb ikkonferma li ma jistax juża Facebook u aktar tard fi stqarrija qal li “l-attentat” kien ġej minn Maltin u oħrajn mill-Unjoni Ewropea li jiddejqu meta jiddefendi isem Malta.
Iddeskriva dan bħala “ipokrezija grassa,” għax l-attentat sar minn dawk li “tgħidx kemm tħambqu favur id-dritt tal-espressjoni u li saħansitra anke niżżlu n-nies fit-toroq biex jipprotestaw".
Żied jgħid li se jibqa’ f’kuntatt man-nies u li hu “kburi li flimkien ma’ eluf kbar,” ta’ persuni oħra qed jiddefendi lil Malta.
Aktar kmieni din il-ġimgħa,l-Eks Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union Tony Zarb qal li l-MEPs Nazzjonalisti qed jittradixxu lill-pajjiż u li ħaqqhom laqgħa ta’ tradituri.
Waqt il-programm Follow-up fuq RTK, Il-Professur Kenneth Wain, l-opinjonista u lekċerer fl-Università ta’ Malta Dr Simon Mercieca kif ukoll l-ekskandidat tal-Partit Laburista Jean Claude Micallef, qablu li l-MEPs Nazzjonalisti ma ħaqqhomx jissejħu tradituri għax fi kliemhom hemm differenza bejn kritika u tradiment.