14-il persuna mejta fl-attakki f’Barċellona

L-awtoritajiet ġudizzjarji fi Spanja qed jgħidu li hemm minn 8 sa 12-il persuna li aktarx ippjanaw biex iwettqu l-attakki ta’ lbieraħ f’Las Ramblas u aktar tard f’Cambrils, f’Barċellona.
Sigħat wara l-attakk f’Las Ramblas f’Barċellona, li ħalla 14 mejta, kmieni dalgħodu l-Pulizija Spanjola qatlu 5 persuni wara attakk ieħor fil-belt ta’ Cambrils. Sadanittant, l-Istat Iżlamiku ħabbar li kien hu l-moħħ wara l-ewwel attakk. Wieħed mill-ħames persuni qed jiġi rrapportat li huwa x-xufier tal-vann.
Skont il-midja internazzjonali, it-tieni attakk li seħħ f’Cambrils kien jixbah lil dak li seħħ f’Las Ramblas.
L-aggressuri saqu b’karozza għal fuq in-nies, iżda jidher li din inqalbet ta’ taħt fuq, u xħin dawn ippruvaw jaħarbu minnha l-Pulizija kienet pronta u fetħet in-nar fuqhom. Huma mietu fuq il-post.
Huma kellhom ma’ qaddhom ċinturini li kienu maħsuba kellhom l-isplussiv fihom, iżda wara ġie nnutat li kienu ta’ biċ-ċajt.
F’dan l-inċident seba’ persuni weġġgħu, fosthom pulizija, b’wieħed f’qagħda kritika.
Intant, fl-attakk qattiel ta’ lbieraħ f’Las Ramblas wara nofsinhar, sa issa 14-il persuna ġew irrappurtati mejta, u n-numru ta’ midruba għadu mhux stabbilit, għalkemm ir-rapporti qed jgħidu li hemm għexieren.
Il-Pulizija issa qed tinvestiga wkoll it-tielet inċident li seħħ l-Erbgħa li għaddew f’Alcanar, xħin dar splodiet u ħalliet persuna mejta. Is-suspett huwa li dawn it-tliet attakki huma marbutin.
L-awtoritajiet ippubblikaw ukoll ir-ritratt ta’ Driss Oubakir, Marokkin li fuq ismu nkera l-vann li lbieraħ intuża biex jitwettaq l-attakk, iżda sa issa huwa ċaħad li kellu x’jaqsam u qed jallega li d-dokumenti tiegħu nsterqulu biex jintużaw f’dan l-attakk.
Il-Marokkin flimkien ma’ persuna minn Melilla u oħra minn Ripoll s’issa huma l-uniċi persuni arrestati b’rabta mal-każijiet. Ebda wieħed minnhom ma kien is-sewwieq tal-vann f’Las Ramblas.
"Ninsabu magħkom u mal-vittmi" – Carmelo Abela
Sadanittant, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin ikkundanna b'mod iebes l-attakk f'Las Ramblas, u qal li baqa' ċċassat xħin sar jaf bih.
Sostna li qalbu tmur għall-vittmi u l-familjari tagħhom, kif ukoll għal dawk liraw dawn ix-xeni tal-biża'.
Temm jgħid li l-Gvern Malti jingħaqad b'solidarjetà ma' dak Spanjol u jassigura s-sapport kollu.
Fir-ritratt: il-Marokkin li fuqu nkera l-vann tal-attakk f'Las Ramblas, li qed jallega li serqulu d-dokumenti biex krew il-vann
"L-Unjoni Ewropea tinsab iddeterminata fil-ġlieda tagħha kontra t-terroriżmu" – Antonio Tajani
Il-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani kkundanna l-attakk terroristiku.
Fi stqarrija, Tajani qal li Barċellona tinsab f'qalb l-Ewropej kollha u li ħsiebu fil-vittmi ta' din l-attroċità terribbli.
Żied jgħid li l-Unjoni Ewropea tinsab iddeterminata fil-ġlieda tagħha kontra t-terroriżmu u tenna li mhux se tkun intimidata minn dawk li jridu l-vjolenza u l-mewt.
Il-PN jikkundanna l-attakki terroristiċi fi Spanja
Il-PN ikkundanna l-attakki u qal li dan l-attakk huwa kontra l-Maltin minħabba li fil-belt fejn seħħ l-attakk kien hemm għadd ta' Maltin.
Saħaq li l-Ewropa għandha tingħaqad fil-ġlieda kontra t-terrur u l-estremiżmu.