Direttivi mill-infermiera minn nhar il-Ġimgħa

Il-President tal-Unjin tal-Infermiera u l-Qwiebel, Paul Pace, ħabbar li minn nhar il-Ġimgħa 7 t‘Awwissu, l-infermiera u qwiebel kollha li jaħdmu fl-isparijiet u fid-djar tal-anzjani għandhom:

  • Ma jaħslux il-pazjenti
  • Ma jniżżlux il-pazjenti fuq is-siġġijiet u ma jtellgħuhomx fis-sodda.
  • Ma jakkumpanjawx il-pazjenti għall-X-rays, fit-teatri jew l-out-patients.
  • Jimlew biss il-formoli relati max-xogħol tagħhom

Il-Unjin ħarġet ukoll diversi direttivi lill-fiżjoterapisti fejn fost oħrajn mhux se jkunu qegħdin jaraw aktar minn tliet pazjenti f’ġurnata u mhux se jsiru aktar visti fid-djar.

L-MUMN qalet li professjonisti fil-qasam tas-saħħa li f’April u Mejju kienu qegħdin jitqiesu vulnerabbli mill-Ġimgħa li ġej għandhom ikellmu lill-management tal-isptarijiet u għandhom jaħdmu f’setturi fejn ma jkollhomx kuntatt dirett mal-pazjenti. Żiedu li jekk ma jinstabx xogħol li mhuwiex b’kuntratt dirett mal-pazjenti dawn għandhom jibqgħu d-dar jagħmlu xogħol ta’ telework bħall-ħaddiema taċ-ċivil.

Il-President Pace qal dan wara laqgħa li kellu mal-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne. F’din il-laqgħa ħareġ li għadu mhux fil-ħsieb tal-Gvern li jwaqqaf l-attivitajiet tal-massa. Madankollu żied li l-Ministru qal li se jkun qiegħed jara li l-attivitajiet tal-massa li ma jżommux mal-avviż legali li ħareġ illum jagħlqu u jiġu mmultati.

Il-President tal-Unjin qal li wieħed jinnota li l-Gvern qatt kkommetta ruħu li jsegwi b’serjetà l-avviżi legali maħruġa rigward l-attivitajiet tal-massa relatati mal-COVID-19. L-attivitajiet tal-massa baqgħu jsiru mingħajr ma nżammet id-distanza soċjali u linji gwida ġew injorati. L-MUMN qalet li dan huwa evidenti min-numru ta’ każijiet pożittivi li qed jiżviluppaw kuljum.

Pace qal li diversi kummenti fil-midja bħal ‘il-mewġ qiegħed fil-baħar’, is-sitwazzjoni tinsab taħt kontroll’ u ‘nafu x’aħna nagħmlu’ mhumiex espressjonijiet kredibbli u dan jidher biċ-ċar li l-pajjiż mhux sejjer fid-direzzjoni t-tajba.

L-MUMN qalet li għandha informazzjoni li jekk Malta se tibqa’ tirreġistra numru kbir ta’ każijiet pożittiv għall-COVID-19 għal sebat ijiem konsekuttivi, din se titqies bħala t-tieni mewġa u għalhekk mhux se jkun eskluż li jerġgħu jidħlu fis-seħħ numru ta’ miżuri. Żied li l-MUMN temmen li għandhom jitwaqqfu attivitajiet tal-massa fejn ma jistax ikun hemm distanza soċjali.

Pace żied li l-infermiera, il-qwiebel, l-ECG technicians, il-fiżjoterapisti, il-ħaddiema soċjali u l-ħaddiema kollha fis-settur tas-saħħa qegħdin jiġu ‘diskriminati’ u injorati meta kkumparati ma’ ħaddiema oħra fiċ-ċivil. Fil-laqgħa tal-lum il-Ministru Fearne għaraf li s-sitwazzjoni hija ta’ natura sensittiva. Il-President qal li se jkun hemm laqgħa oħra l-ġimgħa d-dieħla għax għadu ma ntleħaqx ftehim.

L-MUMN qalet li dawn id-direttivi ma jgħoddux għall-ħaddiema li jaħdmu fis-SAMOC, E/A/ l-ITU, ir-Renal Unit, it-Teatri, Neonatal Paediatric Intensive Care Unit, is-sala tal-ħlas u s-Servizz ta’ kura primarja.