‘Edukaw il-ġenituri għal żgħażagħ inqas partiġġjani’- KNŻ

Il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ ħabbar l-intenzjoni tiegħu li jipproponi lill-Gvern ta’ Malta biex jaċċerta li metodi differenti jiġu studjati biex ċittadini, speċjalment żgħażagħ, ikollhom l-għodda biex jevalwaw b’mod kritiku ġrajjiet kurrenti permezz ta’ prinċipji demokratiċi.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet li ġiet imsejħa f’lejliet il-Jum Internazzjonali taż-Żgħażagħ bit-tema ‘spazji sikuri’, il-President tal-KNŻ Michael Piccinino enfasizza li din it-tema għandha tkun trattata permezz tal-edukazzjoni.

Hu sostna li din hija opportunita’ biex l-awtoritajiet kompetenti jsejħu lill-istakeholders kollha sabiex jiġu diskussi u proposti komponenti ta’ edukazzjoni formali u mhux formali fil-Kurrikulum Nazzjonali. Dan il-pass għandu jindirizza dan in-nuqqas preżenti fis-sistema edukattiva permezz ta’ kumitat konsultattiv. Dan il-kumitat għandu wara jiġi trasformat f’kumitat ta’ moniteraġġ li kontinwament jevalwa l-implimentazzjoni ta’ din l-inizzjattiva.

Huwa fakkar li dan il-proċess għandu jieħu f’kunsiderazzjoni l-edukazzjoni tal-pubbliku inġenerali, speċjalment ġenituri sabiex jassigura li ż-żgħażagħ ikunu dejjem inqas influwenzati minn elementi partiġġjani.

Sostna li l-KNŻ huwa lest sabiex jieħu dan is-suġġett ‘il quddiem premezz ta’ metodi demokratiċi possibli minħabba l-importanza ta’ dawn il-fatturi.

Piccinino temm jgħid li l-aħħar sena kienet waħda pjuttost pożittiva għaż-żgħażagħ Maltin bl-introduzzjoni tal-Vot 16, it-tnaqqis tal-eta’ tal-kunsens għall-eta’ ta’ 16 u bidliet leġislattivi li mistennija jseħħu dalwaqt, fosthom bidla fil-liġi tal-għaqdiet volontarji sabiex żgħażagħ ta’ 16-il sena jitħallew jipparteċipaw b’mod sħiħ fid-demokrazija Maltija. Huwa qal ukoll li x-xogħol tal-KNŻ bħalissa jinkludi evalwazzjoni mid-term ta’ Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ (2015-2019) u d-distribuzzjoni u l-implementazzjoni effettiva tal-Youth Goals tal-UE 2018.