Wara l-qtil tal-ġurnalist Obama jgħid li mhux se jħenn għall-Iraq

Fi kliem il-President Amerikan Barack Obama, id-dinja kollha baqgħet mistgħaġba għal mod kif inqatel il-ġurnalist James Foley. 
Waqt intervista qasira, Obama qal li l-militanti tal-IS mhux qed jitkellmu f’isem ir-reliġjon Iżlamika għax “ħafna mill-vittmi tagħhom huma musulmani u ebda reliġjon ma tgħallem biex toqtol lill-innoċenti”.
Il-President Amerikan saħaq li wara dan il-qtil brutali, l-Istati Uniti mhux se żżomm lura milli tattakka mill-ajru lill-Iraq.
Wara l-qtil tal-ġurnalist Amerikan, il-Pentagon jidher li qed jistudja pjan biex jibgħat aktar truppi fl-Iraq.  Skont il-midja Amerikana, fil-jiem li ġejjin mistennija jintbagħatu madwar 300 suldat biex l-Istati Uniti jsaħħu ż-żona ta’ madwar Bagdad.
Intant, il-Prim Ministru Ingliż David Cameron sostna li wisq probabbli, l-id li qatlet lill-Foley hi ta’ ċittadin Ingliż.