Awdjo: “Wara l-purtiera tal-palk, id-dinja hi kompletament differenti” – Sander Agius

Sander Agius, li spiss narawh fuq xi palk jew fuq it-televixin jew inkella nisimgħuh fuq ir-radju, qal li wara l-purtiera tal-palk, id-dinja hi kompletament differenti.
Spjega kif bħal kull persuna oħra, hu u dawk li bħalu xogħolhom hu li jdaħħku, ukoll jgħaddi minn mumenti diffiċli fil-ħajja.
Minkejja dan, saħaq li fuq il-post tax-xogħol għandek dover. Qal ukoll li minkejja l-mumenti diffiċli li wieħed jista’ jgħaddi minnhom, il-ħajja trid tkompli.
Meta mistoqsi dwar kemm hu faċli li wieħed idaħħak, qal li biex xi ħadd idaħħak, irid ikun hemm il-persuna li trid iddaħħak u l-persua li trid tidħak; meta dawn it-tnejn jiltaqgħu, jinħoloq il-ferħ.
Spjega kif minkejja li hu mhux persuna li jidħak malajr, hemm affarijiet li vera jdaħkuh.
Tkellem ukoll dwar x’jikkunsidra ċajta goffa u qal li dan jiddependi fuq min hi l-persuna. Saħaq li hu qatt ma jiċċajta b’affarijiet fiżiċi apparti b’affarijiet żgħar għax mhux kulħadd jieħu ċajta bl-istess mod.
Finalment Sander Agius qal li hu importanti li meta persuna tkun għaddejja minn mument diffiċli, wieħed ma jgħammillux ħajtu agħar u li minflok għandu jipprova jdaħħku ftit ftit.
L-intervista sħiħa ma' Sander ixxandret waqt il-programm T’Għomru Qasir fuq RTK ippreżentat minn George Cremona.