Wara l-maltemp se jitfaċċa l-bnazzi għall-Belt Valletta…

Wara li l-maltemp ħalla l-fossa tal-Belt fi stat diżastruż, ftit tal-jiem oħra se jibda x-xogħol ta’ manutenzjoni.
Newsbook.com.mt irċieva għadd ta’ lmenti minn residenti tal-Belt u tkellem mas-Sindku tal-Belt Alexiei Dingli, dwar il-ħsarat estensivi fil-fossa tal-Belt kawża tal-maltempati tul Diċembru li għadda.
Is-Sindku qal li l-Kunsill kellu problema biex isib apparat kbir biex ikun jista’ jirranġa ż-żona.
Il-Kunsill talab ukoll l-għajnuna tal-Gvern biex iġib gafef u trakkijiet kbar u qed jippjana li jekk it-temp jippermetti dawn ix-xogħlijiet jibdew fil-jiem li ġejjin.
Is-Sindku spjega li l-Kunsill għandu pjanijiet kbar għal Marsamxett u d-dawra kollha tal-Belt, fosthom sottomissjonijiet li ġew aċċettati mill-Gvern bħala parti mill-Master Plan tal-Belt.
Dawn jinkludi faċilitajiet aħjar għall-għawwiema, aċċess aħjar għaż-żona, u triq li ddur mal-Belt li se tkun aċċessibbli għal nies, roti u karozzi.