Wara l-Karnival… ir-Randan!

Frar ħalliena wkoll u allura bla dubju ta’ xejn, ħallewna wkoll il-jiem tal-bluha, fi kliem ieħor ħalliena wkoll il-Karnival.

Il-Karnival organizzat fl-enclosure ta’ Pjazza Indipendenza Victoria mill-Kunsill tal-Kultura fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex kien wieħed tajjeb u fil-fehma tiegħi ta’ livell. 

L-enclosure kien ippakjat bin-nies għax it-temp ippermetta.  U dan bla dubju ġara f’Malta wkoll minn kif stajt nara fuq il-kaxxa ż-żgħira tat-Television.  Mhux biss imma Għawdex ikun diġa far bil-Maltin li jaqsmu l-Fliegu biex jiġu jgawdu magħna l-Karnival meta mhux ukoll ixiddu xi kostum u joqogħdu jiġġerrew mat-toroq tagħna! 

Is-sehem tal-iskejjel kien importanti u rridu naraw li ninkoraġġixxu lit-tfal u ninvestu fihom jekk irridu nassikuraw il-futur tal-Karnival.  Veru li fil-Karnival tagħna naqset il-komiċita’ u sirt iktar tara spettaklu ta’ lwien u żfin raffinat u sinkronizzat mal-mużika u karrijiet sbieħ movimentati u kuluri jgħajtu u jixegħlu kif ukoll kostumi fini u li jiswew il-flus u ħafna sabar u paċenzja biex tħithom.

Iżda ngħid għalija  qed nara li naqset il-komiċita fl-enclosure fiż-żmien il-Karnival ta’ Gużeppi Balluċċi, Baskal ta’ Kunċetta, Fredu l-leverist u l-Muskettieri Għawdxin! Jien illum għandi erbgħa u sebgħin sena u allura nista’ nħares lejn l-imgħoddi u nxebbaħ dak li kien isir ħamsin sena ilu u llum il-ġurnata.  Fejn qatt rajna raġel iterraq mat-toroq tagħna iġorr il-bieb warajh u jirrepeti l-istorja tal-imsejken Ġaħan, inkella ieħor liebes nofsu ta’ sinjur u nofsu ta’ fqir. U emmnuni nara differenza kbira. Anke bil-lejl, il-karnival ta’ bil-lejl nara li qata’ lura. 

Meta kont tfal jien kont tilmaħ żgħażagħ godlija u f’saħħithom iduru mat-toroq tagħna kważi bla ħwejjeġ imlefilfa biss f’xi liżar jiġru mat-toroq u kultant iwerwru lit-tfal.  Ma nafx kif kienu jissaportu l-ksieħ ta’ Frar għax matul Frar mhux darba u tnejn ħabat il-Karnival! 

Fi żmieni kont tara wkoll salt irġiel b’xi mandolina, b’xi kitarra, b’xi rubbaba jiġru fuq xi trak imżejjen mat-toroq ta’ beltna,  mżejjen b’xi partita palm u bżieżaq ikkuluriti jdoqqu, jgħajtu u jwaddbu l-perlini.  Dan kollu għadda u mar u tar mar-riħ.  It-temp huwa dejjem fattur importanti f’dawn il-festi tradizzjonali u popolari u   allura mportanti naraw li l-Istat jipprovdi spazju adegwat fejn jistgħu jinħadmu l-karrijiet u jistkennu minn xi ħalba xita jew mir-riħ qawwi għax f’kemm ilni ngħidlek xogħol li sewa xhur sħaħ tarah jgħib fix-xejn  ħtija tar-riħ jew ta’ xi ħalba xita.

Importanti wkoll is-sehem li qed jagħtu l-Kunsilli Lokali tagħna li jorganizzaw il-Karnival fl-irħula rispettivi tagħhom.  Iżda hemm bżonn li kull Kunsill jagħraf iżomm il-kontroll u ma jħalli lil ħadd jabbuża jew jaqbeż il-limitu.  Sabiħ il-Karnival spontanju, mela le, iżda għal kollox hemm il-limitu u  d-deċenza.   

Qrajna wkoll dwar l-eluf kbar li qasmu l-Fliegu biex igawdu l-Karnival f’Għawdex, b’mod speċjali dak spontanju li jsir fin-Nadur.  Iżda din m’għandhiex tkun okkażjoni biex jitbaxxa l-livell tal-Karnival tagħna.  Għal kuntrarju din għandha tkun okkażjoni sabiħa fejn niltaqgħu u niddevertu flimkien ta’ nies edukati u maturi u mhux ninħbew taħt il-maskra biex nagħmlu li rridu.  Okkażjoni tajba wkoll biex jiġġenera iktar kummerċ f’dan iż-żmien kwiet tas-sena.  Is-Sindku ta-Nadur kellu klkiem ta’ tifħir għal mod kif mexa l-Karnival fir-raħal ta’ San Pietru u San Pawl.

Jien ma qgħadtx lura u għalkemm ma sejħulix biex nippreżenta l-Karnival Ċentrali kif għamilt fis-snin l-imgħoddija, xorta ħadt gost niddeverti u ppreżentajt il-Karnival kemm fl-Għarb kif ukoll fiż-Żebbuġ  barra li skejjel u kumpaniji qabbduni nqabblilhom xi żewġ strofi biex jinqraw qabel tibda ż-żifna tagħhom billi jafu li l-Poeżija hija waħda mill-ħbieb kbar tiegħi li fiha llum il-ġurnata nsib il-hena  u l-mistrieħ tiegħi.

Ħalli issa naqilbu l-paġna; intant issa dħalna fi żmien qaddis u għażiż tar-Randan.  Jalla dawk li ħarġu xi ftit ‘l barra mit-triq, issa jindunaw u jpattu għal għemilhom.  Issa huwa ż-żmien li wieħed jidħol waħda fih innifsu u jgħarbel u jiżen l-imgħoddi tiegħu.  Matul dawn l-erbgħin jum hemm ħafna x’wieħed jagħmel jekk tassew iħaddan il-valuri nsara tagħna. 

Dan hu ż-żmien tas-sagrifiċċju.  L-Imgħallem divin tana l-eżempju u qatta’ erbgħin jum fid-deżert fit-talb u l-penitenza.  Dari niesna kienu jsumu r-Randan sħiħ u bosta drabi fuq ħobż u ilma.  Ommi mara tajba, Alla jaħfrilha kienet waħda minn dawn. 

Oħrajn kienu joħorġu mat-toroq u jitolbu bukkun ħobż u tazza ilma biex ikomplu d-drawwa tas-‘Seba’ Bukkuni’.  Illum aħna obbligati biss nsumu f’Ras ir-Randan u fil-Jum għażiż tal-Gimgħa l-Kbira, iżda żgur li dan biss m’għandux jikkuntentana.  Hemm ħafna modi kif wieħed jista’ jagħmel xi ftit tas-sagrifiċċju.  Kull parroċċa tieħu ħsieb tipprovdi predikaturi tajbin biex jagħtu xi kors ta’ Eżerċizzi Spiritwali lill-kategoriji kollha u ħadd m’għandu jitlef ċans bħal dan li jagħmel eżami tal-kuxjenza darba fis-sena.

Ħadd ma għandu jsib skuża għax illum bit-teknoliġia moderna tista’ wkoll isseġwihom minn fuq ir-radio jew minn fuq l-internet mill-kumdita ta’ darek.  Drawwa sabiħa hija dik li tara ħafna nies jinvistaw l-erbatax-il stazzjon tal-Via Sagra kif ukoll jieħdu sehem fil-purċissjonijiet tad-Duluri u tal-Gimgħa l-Kbira; f’din tal-aħħar ħafna jagħżlu li jkaxkru l-ktajjen jew jerfgħu minn xi statwa waqt li l-banda tal-post takkumpanja l-Purċissjoni bid-daqq ta’ marċi funebri. 

F’Ħamis ix-Xirka, wara l-funzjoni tal-Knisja, għadek tara ħafna nies joħorġu bil-familja biex jagħmlu x-Xirka u jżuru Seba’ Knejjes fejn ikun armat is-Sepulkru.  Fir-Rabat t’Għawdex dan hu iktar minn possibbli għax għandna żgur ħafna iktar minn seba’ knejjes u allura dawn il-Visti jsiru bil-mixi.  Devozzjoni sħiħa u ġabra mexjin id f’id fit-toroq tagħna.  Oħrajn jagħzlu li jnaqqsu mit-tipjip, mix-xorb u minn xi divertiment ieħor.  Jiena hawnhekk inżid li sewwa kieku dak li niffrankaw nagħtuh karita’.

Nista nibqa’ sejjer b’din il-kantaliena.  F’kelma waħda min ma jridx ma jidħolx għal xi tip ta’ sagrifiċċju f’dan iż-żmien tas-sena.  Irridu naħfru lil min naqasna u nagħmlu sforz biex inġibu lura l-għaqda u l-armonija.  “Ħniena rrid u mhux sagrifiċċju”!  “Ċarrtu qlubkom u mhux ilbieskom”! F’dan iż-żmien għażiż kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex għandna ħafna dilettanti li jagħmlu xi wirja sabiħa tal-Passjoni billi jsebixxu fi djarhom jew f’xi garaxx għadd ta’ statwi sbieħ li jirrakkuntaw bejniethom il-ġrajja tal-Passjoni u l-Mewt tal-Imgħallem tagħna Sidna Gesu Kristu u mhux ftit ikunu dawk li jmorru jżuruhom. 

U afli jkun tassew fihom x’tara għax illum nibtu ħafna artisti li minn idejhom joħorġu tassew l-għeġubijiet.  Fil-knejjes tagħna jsiru wkoll serati funebri li matulhom il-banda tar-raħal iddoqq marċi funebri u sbieħ biex ifakkru xi bandist jew xi benefattur tal-parroċċa jew tal-każin.

Matul Marzu tiġi wkoll il-festa għażiża tal-Patrijarka San Ġużepp meqjum b’mod speċjali fil-parroċċa tal-Qala fejn  insibu Arċipriet ħabrieki, Dun Nazju Borġ, imwieled ix-Xagħra u għal żmien twil Kappillan tal-parroċċa ta’ San Lawrenz. Ċert li l-ħidma sfieqa tiegħu qed tħalli l-frott fost il-Qalin.  Fir-Rabat ta’ Malti r-Rabtin lil dan il-Patrijarka jfakkruh bil-kbir! 

Ftit jiem biss wara d-19 ta’  Marzu, titfaċċa mill-ewwel il-festa għażiża tal-Lunzjata u f’Għawdex għandna kappella ferm sabiħa u qadima li nsibuha ssaltan f’nofs ta’ wied dejjem iħaddar fejn in-Natura donnha tilfet għaqalha kollu u żejnitu bi sbuħija liema bħalha.  Hawnhekk jinżel l-Isqof Djoċesan fis-sitta ta’ filgħaxija f’nhar il-festa biex iqaddes waqt li matul il-jum isir quddies kull siegħa li għalih in-nies tagħna għadha tiffolla.

Intant inkomplu fejn ħallejna;  jekk nimxu fuq il-passi tal-Imsallab, naħfru u nestendu l-id tal-ħbiberija, ninsew l-imgħoddi u npattu bil-ġid għad-deni li rċevejna, jekk nagħmlu hekk żgur li ż-żmien tar-Randan ma jkunx ġie u mar għalxejn.  Imbagħad bir-raġun ikollna għalfejn nifirħu fi żmien il-Għid li dis-sena ser jaħbat fit-12 ta’ April  (ftit jiem wara, San Gorġ u l-ewwel passa tal-gamiem, jekk fadal gamiem!) u niġru bl-Irxoxt u nduqu l-figolli ta’ kull sura bil-bajda taċ-ċikkulata!

Kav. Joe M Attard