Wara l-inċident f’Paceville, mhux se jsir l-istess żball – il-PM

Waqt laqgħa mal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ, il-Prim Ministru kkummenta dwar l-inċident f’Paceville fi tmiem il-ġimgħa u saħaq li din id-darba mhux se jsir l-istess żball.
Spjega li fil-passat, kien hemm każijiet ta’ vjolenza, ġlied u mewt f’Paceville, inqala’ għagħa fil-midja iżda mbagħad waqa’ kollox kwiet. Spjega li dak li ġara fi tmiem il-ġimgħa se jwassal għal sinjal bis-sidien tal-istabilimenti jridu jġorru responsabiltà dwar dħul ta’ persuni taħt l-età.
Insista li l-liġijiet huma ċari u li l-awtoritajiet iridu jinfurzawhom. M’eskludiex li minbarra infurzar, ikun hemm ukoll multi, irtirar ta’ liċenzji u evalwazzjoni ta’ interessi oħra tal-istess sidien f’postijiet oħra.
Semma wkoll il-ħtieġa li ssir riflessjoni fuq ir-rwol tal-ġenituri mingħajr ma jsir ġudizzju dwarhom, fuq il-ħruġ ta’ tfal żgħar u fuq l-istandards tas-soċjetà. Dan mingħajr ma tinħoloq sistema parallela ta’ divertiment li ma jkunx regolat.
Il-Prim Ministru qal li ż-żgħażagħ għandhom ikunu parti essenzjali minn dan id-diskors.
Il-President tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ issuġġerixxa tfassil ta’ politika olistika dwar id-divertiment u offra l-għajnuna tal-Kunsill. Fl-istess ħin, lill-Prim Ministru ppreżentalu ħames riżoluzzjonijiet – dwar l-apatija fost iż-żgħażagħ, id-dritt għall-ħajja, it-trasport alternattiv, l-immigrazzjoni, u l-ugwaljanza fost in-nisa. 
Ritratt: DOI – Clifton Fenech