Aġġornata: Wara l-ħruq tal-impjant ta’ Sant’Antnin fl-2017 ix-xogħol ma sarx – PN

Read in English.

Wara l-ħruq li ħakem l-impjant ta’ Sant’Antnin f’Mejju tal-2017, il-bini ta’ shed (kamra żgħira li tintuża bħala maħżen) baqa’ ma sarx. Dan qalu l-Partit Nazzjonalista fi stqarrija wara li rrefera għal wiegħda li kien għamel il-Prim Ministru dwar dan lura f’Ottubru tal-2017.

Fi stqarrija ffirmata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Ambjent, Jason Azzopardi, il-PN elenka numru ta’ punti li skontu juru l-qagħda ħażina tal-impjanti f’Sant’Antnin u fil-Magħtab.

F’reazzjoni qal dan il-Wasteserv fakkret li fl-2017 il-Gvern kien ħabbar li jrid jagħlaq l-impjant fi żmien seba’ snin.

In-nirien kienu ħakmu l-impjant fit-22 ta’ Mejju iżda ħadd ma kien indarab. In-nirien żviluppaw fil-parti fejn jinħadem il-materjal RDF, jiġifieri dak il-materjal tal-borża l-griża, li jieħu n-nar faċilment. Il-Ministru għall-Ambjent Josè Herrera kien ikkonferma li n-nirien ma mxewx għall-parti fejn hemm il-materjal tal-borża s-sewda.

Aqra: Ħadd ma weġġa’ f’Sant’Antnin, infetħet inkjesta maġisterjali

Azzopardi semma wkoll li hemm tlieta mill-erba’ diġesturi, ilhom xhur sħaħ bil-ħsara. Qal li qed jitħallew għadajjar kbar ta’ ħama tad-drenaġġ f’Sant’Antnin li qed initten l-akkwati tal-impjant.

Il-PN sfida lill-Ministru Herrera sabiex illum stess iħalli lill-media tidħol bil-cameras kemm fl-impjant ta’ Sant’Antnin, kif ukoll f’dak tal-Magħtab biex toħroġ il-verità.

X’ġara lbieraħ?

Ilbieraħ, Azzopardi stess fi stqarrija tkellem dwar ilmenti li qal li qed jaslu lill-PN minn residenti u negozji fil-Marsa u Marsaskala. Dawn qed jilmentaw dwar l-intejjen qawwija ħafna li ħerġin mill-inċeneratur tal-Marsa u l-Impjant ta’ Sant’Antnin f’Marsaskala.

Semmew li impjegati tal-inċeneratur tal-Marsa kellhom jittieħdu l-isptar minħabba l-arja mniġġsa bl-intejjen. Qalu li dan tort tal-Ministru għall-Ambjent li ma nvestiex biżżejjed fl-impjant. Qal ukoll li n-nirien li nħakmu fl-impjant ta’ Sant’Antnin fl-2017 kienu tort tat-traskuraġni u l-inkompetenza tal-immaniġġjar tal-WasteServe.

Intant, fi stqarrija, il-Ministeru għall-Ambjent qal li l-Gvern jinsab impenjat bis-sħiħ biex jassigura li l-pajjiż ikollu l-aħjar infrastruttura anka fl-immaniġġjar tal-iskart. Il-Gvern appella lill-Oppożizzjoni biex minflok tuża l-ħin tagħha biex titkellem fuq affarijiet operazzjonali bħal ma huma l-qtugħ ta’ ċineg, għanda taħdem spalla ma’ spalla mal-Gvern sabiex il-pajjiż ikompli jwettaq il-bidliet li hemm bżonn f’dan il-qasam hekk importanti għal pajjiżna u mhux tabdika milli tipparteċipa fid-diskussjonijiet u tipprova tfixkel il-bidliet li qiegħed jagħmel il-Gvern għall-ġid ta’ pajjiżna.

Inċident wieħed f’Settembru fil-Marsa – Wasteserv

Fi tweġiba għal dak li allega Azzopardi, Wasteserv qalet li f’Settembru kien hemm inċident wieħed fl-inċineratur tal-Marsa fejn waħda mill-impjegati ħassitha marida u marret fi clinic għall-osservazzjoni.

Il-Wasteserv ċaħdet dak li qal Azzopardi u qalet li bħalissa hemm 52 ħaddiem fil-Marsa. Qalet li għalkemm tagħmel li tista’ biex tnaqqas l-irwejjaħ l-inċineratur jintuża’ għall-katavri tal-annimali u għall-iskart tal-isptar u għalhekk huwa mistenni li jkun hemm xi riħa.

Se jkun qed isir investiment fl-impjant ta’ Sant’Antnin biex jonqsu l-irwejjaħ – Wasteserv

Il-Wasteserv qalet li se tkun qed tinvesti fl-impjant ta’ Sant’Antnin biex il-borża tal-iskart organiku tkun tista’ tiġi tratta aħjar. Dan għandu jnaqqas l-ammont ta’ rwejjaħ. Qalet li tlieta minn erba’ digesters qed jaħdmu. Kompliet tgħid li mhemmx ilma qiegħed u li jekk hemm xi ilma dan ġej mit-tindif li jsir.

Wasteserv qalet li bħalissa qed taħdem biex tkun tista’ ttejjeb il-faċilitajiet tagħha f’Malta North biex il-borża organika tkun tista’ tiġi trattata hemm.

Wasteserv tinsab ukoll fil-proċess li tiftaħ linja temporanja tas-separazzjoni tal-iskart fl-impjant u se tintuża’ shed eżistenti.