Wara l-FIAU ċanfira lill-MFSA; l-EBA b’ittra lill-MEPs

L-Awtorità Bankarja Ewropea kitbet ittra lill-MEPs dwar it-tħassib tagħha fuq kif l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) aġixxiet mal-Bank Pilatus.

Fost il-punti li elenkat, l-EBA semmiet il-kollaborazzjoni bejn l-MFSA u l-FIAU, li tqanqal ċerti dubji wara li l-FIAU kienet ġiet investigata mill-EBA. 

Fi stqarrija, David Casa qal li l-MFSA ħelset minn investigazzjoni formali mill-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) billi bdiet il-proċedimenti tagħha biex il-Bank Pilatus tittiħidlu l-liċenzja. Casa, il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew, żied li minkejja dan, l-EBA xorta identifikat problemi serji b’kif ġraw l-affarijiet bil-Bank Pilatus, li jeħtieġ li jiġu indirizzati.

Fl-ittra, l-EBA kitbet fuq dak li qed iħassibha: bil-fatt li l-MFSA u l-FIAU (Financial Intelligence Analysis Unit) kienu qegħdin jikkollaboraw waqt il-proċess ta’ awtorizzazzjoni, bl-iċċekkjar li sar bħala parti minn dan il-proċess, bir-rispons li ngħata fuq l-effettività tas-sistemi AML/CFT, u bil-prijorità tar-riskji u tar-riżorsi li ngħatat biex tikkredita lill-istituzzjonijiet li kienu qegħdin ifittxu bank privat għan-negozju b’maġġoranza ta’ klijenti li mhumiex residenti.

Skont Casa, l-MFSA damet wisq biex ħadet id-deċiżjoni li ma tħallix lill-Bank Pilatus jopera f’Malta. Huwa qal li l-MFSA għandha tindirizza l-ittra tal-EBA immedjatament. Is-settur finanzjarju u l-ħajjiet li jiddependu minnu jridu jiġu qabel l-interessi tal-politikanti korrotti, temm jgħid Casa.

L-EBA qalet li se tibqa’ ssegwi lill-MFSA u anke tagħmel spezzjonijiet fl-uffiċċji tagħha stess.

L-ittra sħiħa tista’ tinqara hawn.