Wara ġimgħat ta’ lockdown, il-Griegi lura bi ħġarhom fil-knejjes

REUTERS/Costas Baltas

Read in English.

Eluf ta’ Griegi reġgħu lura fil-knejjes il-Ħadd li għadda wara ġimgħat sħaħ fejn kellhom joqgħodu ‘l bogħod, hekk kif kienet rilassata d-direttiva li tipprojbixxi ġemgħat ta’ nies milli jinġabru sabiex il-coronavirus ma jkomplix jinfirex.

Kien mument speċjali għal dawk kollha li ltaqgħu kmieni l-Ħadd filgħodu fil-bitħa tal-knisja ta’ Ayios Spiridonas ġewwa Piraeus, hekk kif il-kant reliġjuż melodjuż tal-liturġija tal-Ħadd kien trasmess fuq loudspeakers biex jinstema’ wkoll isfel fil-port.

“Kont verament kommoss,” qal Vassilis Kitsas, 36, wara li attenda għall-funzjoni fil-knisja konsagrata lill-qaddis Ċiprijott li skond dawk devoti lejh, kien ħeles lill-gżira ta’ Corfu mill-pesta wara li dawk li kienu jgħixu fuq il-gżira, kienu talbu l-interċessjoni tiegħu.

“Naħseb li meta jkollok xi ħaġa, tibda’ tapprezzaha l-iżjed meta din ma tibqax aktar għandek. Dan kollu li għadna kif għaddejna minnu, għamilna iżjed b’saħħitna milli konna,” qal Kitsas lil Reuters.

Il-Griegi mhux biss tilfu ċ-ċans li kull ġimgħa jiltaqgħu biex jitolbu flimkien iżda kellhom ukoll jgħaddu l-akbar festa fil-kalendarju reliġjuż tagħhom – l-Għid – nhar it-19 ta’ April, ġewwa minħabba li l-lockdown beda japplika minn nofs Marzu.

Minflok il-bankijiet li s-soltu kienu jintużaw fil-knisja, in-nies kellha tpoġġi fuq siġġijiet imqassmin fil-bitħa tal-knisja skond ir-regolamenti tas-social distancing. Is-siġġijiet tpoġġew żewġ metri ‘l bogħod minn xulxin imdawwrin bl-ispazji mmarkati b’tejp aħmar u abjad.

Fid-daħla tal-knisja tpoġġew ukoll ingwanti tal-plastik u antiseptiku u hekk kif id-devoti, bħalma hija t-tradizzjoni Griega Ortodossa, resqu biex ibusu l-ikoni tal-knisja, mara qagħdet timsaħ l-ikona bl-antiseptiku wara kull persuna.

Il-gwardjan tal-knisja Petros Anagnostakis, 74, qal li t-tħejjijiet sabiex terġa’ tinfetaħ il-knisja kienu ilhom għaddejjin għal ġimgħa sħiħa. “Illum huwa jum ta’ ċelebrazzjoni kbira, u nħossuna kuntenti u kommossi ħafna,” qal filwaqt li kien jidher kommoss hekk kif il-fidili kollha flimkien qalu l-Kredu, id-dikjarazzjoni ta’ fidi f’Alla u f’Ġesu Kristu.

Il-Greċja rrappurtat numru ferm iżgħar ta’ każi u mwiet bil-COVID-19 minn pajjiżi oħra. Sas-Sibt filgħaxija, il-pajjiż kien irrapporta 2,819-il każ u 162 mewta. 

“Jien naħseb li huwa miraklu li l-Greċja ma kelliex daqshekk imwiet u nies morda,” qalet Stella Kasimati, 76. “Nemmen li dan seħħ bl-għajnuna t’Alla.”

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn