Wara Franza, l-Istati Uniti fuq allert minħabba t-terroriżmu

L-FBI u l-Pulizija fi New York jinsabu fuq allert wara li militanti tal-Istat Iżlamiku reġgħu ħarġu filmat ta’ theddid li oriġinarjament kien ippubblikat f’Settembru li għadda.
Fil-filmat jissemmew l-Istati Uniti, Franza, l-Awstralja u l-Kanada bħala pajjiżi fil-mira ta’ attakki possibbli.
Wara l-attakki fi Franza anke l-Istati Uniti qed iżżid il-preżenza ta’ pulizija fit-toroq u fi nħawi li jistgħu jkunu fil-mira tat-terroristi.
Sadattant, il-Pulizija Franċiża qalet li Amedy Coulibaly, li flimkien mat-tfajla tiegħu attakka s-supermarket Lhudi f’Pariġi nhar il-Ġimgħa, ħalla filmat li fih jispjega l-attakk tiegħu.
Fil-filmat, Coulibaly jgħid li jifforma parti mill-Istat Iżlamiku u li hu u l-aħwa Kouachi ftehmu biex jattakkaw fl-istess ħin.
Il-Pulizija Franċiża kkonfermat li l-filmat hu awtentiku.
Dalgħodu wkoll, il-kelliem għall-Vatikan, Federico Lombardi, qal li l-Vatikan ma rċieva ebda twissija dwar xi riskji, b’rabta mal-allegazzjoni li l-Belt tal-Vatikan tista’ tkun l-objettiv li jmiss tal-Istat Iżlamiku.
Anke l-Ministru tal-Intern Taljan, Angelino Alfano, qal li ma jirriżultax li hemm xi periklu għall-Vatikan minkejja li mhux l-ewwel darba li ġrew xniegħat simili. Madankollu l-Italja se teżamina kull periklu possibbli.