Wara d-dibattitu: ‘Aħna ma nattakkawx l-istudenti’ – Dr Lawrence Gonzi

Ġurnata wara d-dibattitu bejn il-mexxejja politiċi fl-università ta’ Malta, Dr Lawrence Gonzi qal li għalkemm uħud mill-istudenti ma qablux mad-diskors tiegħu, japprezza s-sehem tagħhom u mhux jattakkahom kif jagħmel il-Partit Laburista.

Dr Gonzi kien qed jindirizza attività politika fin-Naxxar, bit-tema ‘Qalb il-Familja’.

Il-Prim Ministru u kap tal-Partit Nazzjonalista, Dr Lawrence Gonzi, sostna li Malta għandha soċjetà miftuħa għat-tagħlim, fejn min qed jistudja qed jagħti l-istess kontribut daqs min qed jaħdem.

Huwa qal dan fil-kuntest ta’ waħda mill-wegħda elettorali tal-Partit Nazzjonalista.

Madankollu, il-Prim Ministru qal li gvern futur għandu jiftakar ukoll fil-bżonnijiet ta’ bosta żgħażagħ oħra li għal xi raġuni oħra ma daħlux l-università.