Wara 9 xhur jitneħħa periklu ċentimetri bogħod minn bus stop

Wara madwar disa’ xhur tneħħiet struttura perikoluża li kienet ċentrimetri ‘l bogħod minn bus stop f’Santa Venera.

Il-Pulizija qalet ma’ Newsbook.com.mt li poġġiet il-barrikati fil-bidu ta’ Frar tal-2018 wara li Perit tal-Gvern eżamina l-proprjetà. Żiedet tgħid li dawn se jitneħħew hekk kif il-periklu għall-pubbliku jitneħħa u l-post jiġi ċċertifikat minn Perit. Il-periklu kien fi Triq il-Kappillan Mifsud.

F’avviż imwaħħal mas-sit bid-data tal-4 ta’ Ottubru, il-PA qalet li l-proprjetà kienet qed tikkawża periklu imminenti għall-ambjent. Qalet ukoll li s-sit tħalla fi stat ta’ abbandun u l-kundizzjoni strutturali tal-bini qiegħda fi stat ta’ periklu.

Kelliem għall-Awtorità tal-Ippjanar qal ma’ Newsbook.com.mt li hija r-responsabbiltà tas-sid ta’ proprjetà li jassigura li tinżamm f’kundizzjoni tajba u ma tkunx ta’ periklu għall-pubbliku.  Meta struttura hija perikoluża u hemm bżonn li jsir xogħol malajr biex jitneħħa tali periklu, is-sid għandu jqabbad perit tiegħu sabiex issir applikazzjoni apposta lill-Awtorità tal-Ippjanar u l-Awtorità tipproċedi skont il-każ,” qal il-kelliem.

X’jiġri jekk ma jsir xejn?

Il-Kelliem għall-PA qal li fin-nuqqas ta’ azzjoni ta’ rimedju, l-Awtorità tista’ toħroġ avviż ta’ infurzar. Mhux bilfors li l-Awtorità tirċievi rapport sabiex tieħu azzjoni. Jekk sid il-propjetà jibqa’ ma jirranġax is-sitwazzjoni, l-Awtorità tista’ tintervjeni direttament biex tneħħi l-periklu, spejjeż tas-sid.

Newsbook.com.mt bagħat l-ewwel sett ta’ mistoqsijiet dwar il-każ lill-PA f’Settembru. Dakinhar il-PA kienet qalet li ma kien sar l-ebda rapport magħha dwar il-każ, minkejja li l-barriers tal-Pulizija kien ilhom hemm għal madwar 8 xhur.

F’Ottubru, l-PA qalet ma’ Newsbook.com.mt li wara li saret taf bil-każ bdiet bl-investigazzjonijiet tagħha u wara “ħarġet avviż ta’ infurzar kontra s-sid tal-art.”