Wara 51 sena jinduna li f’idu kellu lever tal-indicator

51 sena ilu, Arthur Lampitt mill-Istat ta’ Illinois fl-Istati Uniti kellu inċident bil-karozza. Din il-ġimgħa, 51 sena wara, ġie operat biex minn idu x-xellugija tneħħilu l-lever tal-indicator.
Jidher li meta kellu l-inċident, Lampitt kellu feriti kbar f’saqajh u għalhekk it-tobba ffukkaw biex ifejqulu siequ u injoraw għal kollox idu għax bdiet tfieq waħedha.
Madwar għaxar snin ilu, Lampitt għadda minn metal detector u minħabba li mingħajr ma kien jaf kien qed iġorr il-lever, immarka li għandu fuqu xi ħaġa tal-ħadid. X-ray immarka li għandu xi ħaġa żgħira tal-ħadid f’idu xellugija, id-daqs ta’ lapes.
Peress li ma kienx qed iħoss uġigħ it-tobba qalulu biex iħalliha.
Ġara li ġimgħat ilu qabdu uġigħ kbir f’idu. Kien għalhekk li ddeċieda li jiġi operat għax hu ħaseb li t-tobba kienu ħallew bi żball xi instrument tal-ħadid meta kien ġie operat wara l-inċident.
Ftit jiem wara l-operazzjoni, meta ħadd ma kien jaf x’inhu l-oġġett li tneħħa minn idu, Lampitt kien qed iqalleb fir-ritratti tal-inċident li kellu u nnota li l-lever tal-indicator kien nieqes min-naħa tax-xelluq tal-isteering.  
L-isptar kkonfermaw dan u Lempitt talab li jżomm il-lever b’tifkira tal-karozza li biha kellu l-inċident.