​“Wara 5 xhur Schembri u Mizzi għadhom hemm; il-PM tilef l-awtorità”

L-Eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil dalgħodu saħaq li ma ttieħdu l-ebda passi minkejja li għaddew ħames xhur mir-Rapport tal-Parlament Ewropew dwar Ħasil ta’ Flus u Evażjoni tat-Taxxa f’Malta.  
Dr Busuttil, li huwa l-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Governanza Tajba, irrimarka fil-Parlament li r-reazzjoni tal-Gvern dwar it-13-il rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew, “kienet li ma għamel assolutament xejn”.
Stqarr li fost ir-rakkomandazzjonijiet jispikkaw tnejn:

  • Li ssir ġustizzja fuq il-każ ta’ korruzzjoni li jinvolvi liċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u lill-Ministru Konrad Mizzi, biex ma ssirx ħsara lil Malta
  • Li l-istituzzjonijiet tal-pajjiż mhux jiffunzjonaw kif suppost.

Simon Busuttil insista li l-liġi qiegħda hemm għal kulħadd. Madanakollu fi kliemu dak li qed jiġri f’Malta juri li hawn impunità.
“Joseph Muscat tilef kull moralità anki dik politika. Seta’ kien parti mis-soluzzjoni sentejn ilu, issa sar parti mill-problema”, kompla jgħid Dr Busuttil.
Saħaq li Joseph Muscat tilef kull awtorità hekk kif fi kliemu jinsab f’sitwazzjoni li ma seta’ jgħid xejn lil Chris Cardona, dwar il-vjaġġi tiegħu, fost l-oħrajn lejn Monaco, fil-jiem li kien hemm il-Grand Prix. Busuttil stqarr li Dr Cardona mhux se jbellagħlu r-ross bil-labra għax il-Grand Prix seta’ raha mill-gallarija.
Fisser kif is-seduta ta’ dalgħodu qed issir fuq talba tal-Oppożizzjoni li riedet tiddiskuti dan ir-rapport li ħareġ f’Jannar li għadda.
Saħaq li mhux soltu li l-Unjoni Ewropea tieħu passi kontra stati membri tagħha fl-oqsma tal-ġustizzja u r-rispett lejn il-liġi (is-Saltna tad-Dritt).
Tkellem ukoll id-deputat Nazzjonalista David Stellini fejn ikkwota parti mid-diskors tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea Federica Mogherini meta qalet li rikonċiljazzjoni ssir meta ssir il-ġustizzja.
Emendi pożittivi u realistiċi mill-grupp parlamentari tal-Gvern” – PL
Dwar il-mozzjoni mressqa mid-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi, il-Grupp Parlamentari tal-Gvern dalgħodu ppreżenta emenda.
Fi stqarrija maħruġa mill-Partit Laburista ntqal li fl-emenda l-Gvern qal li qed jirrikonoxxi li kien hemm riformi li seħħew diġà filwaqt li hemm oqsma fejn diġà bdew jitwettqu u jeħtieġ jitkomplew jitwettqu bidliet.
In-naħa tal-Gvern temmen li dawn l-emendi huma pożittivi u li l-Oppożizzjoni għandha tkun kostruttiva u taċċetta dawn l-emendi filwaqt li tivvota favurihom.
L-emenda tagħti l-appoġġ kollu lill-Gvern biex ikompli fil-proċess ta’ riformi u fil-proċess kostruttiv kemm f’Malta kif ukoll mal-Kummissjoni Ewropea, mal-Parlament Ewropew u ma’ diversi organizazzjonijiet internazzjonali oħra.
Titlob ukoll għall-appoġġ fit-tisħiħ tas-Saltna tad-Dritt b’mod illi l-ġudikatura titħalla twettaq ix-xogħol tagħha permezz ta’ inkjesti li għaddejjin.
"Malta kapaċi tmexxi waħidha" – il-Partit Demokratiku
Fi stqarrija, il-Partit Demokratiku qal li jaqbel ma’ nofs il-punti ppreżentati għad-dibattitu mid-deputat Jason Azzopardi.
Il-PD qal li l-proposti biex l-Unjoni Ewropea effettivament tieħu f’idejha l-affarijiet finanzjarji ta’ Malta huwa ħażin għax skont il-PD, Malta għandha l-kapaċità u t-talent biex tmexxi waħedha.
Il-PD saħaq li Malta m’għandix bżonn lill-Kummissjoni Ewropea jew xi kumitat tal-Parlament Ewropew biex jinforza l-liġijiet.
Issuġġerixxew li jiġu implimentati r-riformi li jġibu din is-superviżjoni bla bżonn f’Malta.