Wara 24 sena l-Arġentina fil-finali

B’differenza mill-ewwel semifinali bejn il-Brażil u l-Ġermanja, l-Arġentina u l-Olanda baqgħu f’taqtigħa sa’ wara l-ħin barrani.
Il-logħba kienet ta’ livell għoli u ż-żewġ timijiet kienu ferm attenti u ħadd minnhom ma ssogra li jitlef iċ-ċans li jispiċċa fil-finali.
Wara sagħtejn logħob, ma rajna l-ebda gowl u b’hekk kollox kellu jiġi deċiż bl-għoti tal-penalties.
Il-gowlkiper Arġentin Sergio Romero kien determinanti meta laqa’ l-penalties ta’ Vlaar u Sneijder.
L-Arġentina ħarġu rebbieħa bil-penalties skurjati minn Messi, Garay, Aguero u Maxi Rodriguez.
Iż-żewġ penalties Olandiżi kienu skurjati minn Robben u Kuyt.
B’hekk l-Arġentina se jkunu l-finalisti ta’ nhar il-Ħadd li ġej flimkien mal-Ġermanja.
L-aħħar darba li l-Arġentina li kienet fil-finali kien fl-1990 kontra l-Ġermanja tal-Punent.