Wara 20 sena uffiċjal għoli mill-Vatikan iżur lill-President Russu

Il-Vatikan u r-Russja resqu eqreb ta’ xulxin, hekk kif wara kważi 20 sena figura prominenti mill-Vatikan żaret lill-President Russu fir-residenza tiegħu f’Sochi.
Il-Kardinal u Segretarju tal-Istat tas-Santa Sede, Pietro Parolin, iltaqa’ ma’ Vladimir Putin sabiex jiddiskutu l-kriżi Sirjana u l-karba tal-Kristjani fil-Lvant Nofsani, fost sfidi internazzjonali oħra.
Diż-żjara tista’ titqies bħala pass ieħor mill-Papa Franġisku fix-xewqa li l-Knisja Kattolika terġa’ ddawwar ħarsitha lejn il-Lvant, u tibni mill-ġdid pont mal-Knisja Ortodossa Russa.
Il-maġġoranza tar-Russi huma Ortodossi, u jekk wieħed iqis il-kobor tal-pajjiż, jinnota l-influwenza li għandha l-Knisja fl-ortodossija tal-Lvant.
Il-Kardinal Parolin qal li l-laqgħa ta’ lbieraħ qed isseħħ fi żmien importanti għar-relazzjoni taż-żewġ naħat, u rrimarka li n-numru ta’ skambji li saru jawguraw titjib f’dir-relazzjoni.
Min-naħa tiegħu, Putin iddeksriva d-djalogu li kellu ma’ Parolin bħala “kostruttiv u ta’ fejda”. Enfasizza li m’hemmx dubju li l-valuri umanitarji komuni għaż-żewġ knejjes jiffurmaw is-sisien għar-relazzjoni bejn il-Vatikan u r-Russja bħala stat.
Parolin iltaqa’ wkoll mal-Patrijarka Kirill, wieħed mill-ogħla isqfijiet tal-Knisja Ortodossa fir-Russja.
Is-safar ta’ Franġisku tul il-pontifikat tiegħu sa issa huma xhieda ta’ dix-xewqa tiegħu li l-Knisja tħares aktar lejn il-Lvant. Fost l-oħrajn żar l-Ażerbajġan, l-Armenja u l-Ġorġja, u filwaqt li qed iħabrek biex isaħħaħ il-ftehim maċ-Ċina, mistenni jżur il-Mjanmar.