“Wara 17 Black, qed ninvestiga Macbridge” – Reuters lil Newsbook

Il-ġurnalist ta’ Reuters Stephen Grey qal li qed ikompli jinvestiga aktar dwar il-kumpanija Macbridge. Skont imejl mibgħuta mill-accountants ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi, il-kumpaniji tagħhom fil-Panama kellhom jirċievu flus anke minn Macbridge barra li kellhom jirċievu flus minn 17 Black.

Stephen Grey qal dan fil-programm FollowUp fuq RTK103FM. Il-ġurnalista semma kif din l-investigazzjoni tidher iktar diffiċli, iżda appella lil kull min għandu xi informazzjoni dwar il-kumpanija Macbridge biex jagħmel kuntatt b’mod kunfidenzjali mal-aġenzija internazzjonali tal-aħbarijiet Reuters.

Barra 17 Black, anke Macbridge kellha tgħaddi

Macbridge kienet imsemmija bħala l-kumpanija l-oħra li kellha tiffinanzja lill-kumpaniji Tillgate u Hearnville li nfetħu minn Mizzi u Schembri. Minkejja li skont Nexia BT il-kumpaniji tal-Ministru Konrad Mizzi u taċ-Chief of Staff tal-PM Keith Schembri kellhom jirċievu żewġ miljun ewro fl-ewwel sena, kemm Mizzi kif ukoll Schembri qalu li qatt ma irċevew flus.

Stephen Grey semma kif l-investigazzjonijiet tiegħu ħadu kważi sena biex identifika s-sid ta’ 17 Black bħala Yorgen Fenech, li qal mhuwiex isem komuni f’Malta. Spjega li anke staqsa b’mod dirett lil Fenech dwar il-kumpanija, fejn iżda qal li baqa’ bla tweġiba.

Grey kompla jgħid li l-aġenzija Reuters staqsiet ukoll lill-Ministru Konrad Mizzi dwar 17 Black, fejn wieġeb li ma kien jaf xejn dwarha. Spjega li min-naħa l-oħra, Keith Schembri qal li din il-kumpanija kienet tifforma parti minn studju għal pjan kummerċjali li ma seħħx.

Żied jgħid li l-informazzjoni waslet għandu minn żewġ sorsi ewlenin f’Malta u għandu wkoll konferma li l-FIAU kienet mhux biss identifikat lil Yorgen Fenech bħala s-sid, iżda li wkoll għaddew din l-informazzjoni lis-Sezzjoni tal-Krimini Ekonomiċi tal-Pulizija ta’ Malta.

17 Black: mat-tmien miljuni

Stephen Grey qal li minkejja li dejjem issemmew 2 miljun dollaru Amerikan fil-kont ta’ 17 Black f’Dubaj, jirriżulta li x’aktarx mat-8 miljun dollaru għaddew mill-istess kont bankarju. Din il-kumpanija allegatament kellha tittrasferixxi €150,000 fix-xahar lil kumpaniji ta’ Konrad Mizzi u lil Keith Schembri li iżda huma jiċħdu dan.

Stephen Grey qal li żewġ miljuni kienu mogħtija lil 17 Black minn wieħed li jaħdem ta’ security worker fl-Ażerbajġan u mill-aġent Malti tat-tanker LNG Mario Pullicino li jforni lill-power station. Yorgen Fenech huwa l-Kap Eżekuttiv ta’ Tumas Group li hu wieħed mis-sidien tal-power station ta’ Delimara li kienet wieħed mill-proġetti elettorali imbuttati ħafna minn Konrad Mizzi u Keith Schembri.

Stamberiji?

Huwa qal li stramb li security worker ikollu kumpanija fis-Seychells biex minnha jgħaddi aktar minn miljun lill-kumpanija 17 Black irreġistrata f’Dubaj b’sid Malti. Huwa stramb ukoll kif Mario Pullicino, Malti li huwa rappreżentant ta’ tanker miġjub mill-Malażja, jgħaddi mal-mitejn elf ewro lill-kumpanija f’Dubaj ta’ sid Malti għax jgħid bla ma jagħti provi li pprovdewlu ħaddiema f’wieħed mill-istati tal-Golf Għarbi.

Grey qal li n-negozju veru ma jsirx hekk.

Tista’ tara l-intervista sħiħa hawnhekk.